Thursday, April 18, 2024

Fl-Amerka: Ġuvni jitqies bħala eroj wara li daħal f’dar bin-nirien biex isalva tifla żgħira 

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 25 sena qed jitqies bħala eroj wara li daħal f’dar bin-nirien biex isalva tifla żgħira.

Dan kollu ġara wara li nqala’ argument bejnu u bejn l-għarusa tiegħu tard billejl. Huwa telaq mid-dar u beda jsuq mingħajr ma kien jaf fejn sejjer biex jikkalma mill-argument li kien inqala’ bejniethom. F’daqqa waħda lemaħ dar taqbad bin-nirien u waqqaf il-karozza immedjatament.

Huwa beda jgħajjat bit-tama li jekk hemm xi ħadd ġewwa jisimgħu u hekk ġara. Ġewwa kien hemm erbat itfal kif ukoll ħabib tal-familja li kienu reqdin u kif semgħu l-għajjat qamu minnufih. It-tifla l-kbira ta’ 18-il sena ġabret lil ħutha sabiex jippruvaw jinżlu isfel u joħorġu minn hemm ġew.

Huma ltaqgħu mal-ġuvni li kien daħal fid-dar biex jgħinhom joħorġu. Kif ħarġu barra, it-tifla l-kbira indunat li oħthom ta’ sitt snin ma kinitx qiegħda magħhom għalhekk il-ġuvni mingħajr ma tilef aktar ħin daħal ġewwa mill-bieb ta’ wara bit-tama li jsibha. 

Huwa beda jfittex fil-kmarar tas-sodod iżda t-tifla ma kinitx hemm. In-nar kien laħaq qabad sew għalhekk ma kellux triq oħra ħlief li jaqbeż minn tieqa u jiġi għal barra iżda kif kien se jagħmel dan sema’ l-għajjat tat-tifla ġej minn isfel. 

Għalkemm kien imbeżża’ minħabba n-nirien li bdew jaħkmu d-dar kif ukoll l-ammont kbir ta’ duħħan, ma setax iħalliha hemm ġew għalhekk niżel isfel minn fejn kien ġej l-għajjat. 

Il-ġuvni għatta ħalqu bil-flokk biex ma jiblax duħħan u beda jimxi wara l-leħen tat-tifla minħabba li ma seta’ jara xejn. Sa fl-aħħar irnexxielu jsib lit-tifla u mingħajr ma tilef ħin sab tieqa għal barra, kissirha bi jdejh u għen lit-tifla biex toħroġ minnha u ftit wara qabeż huwa wkoll. 

Huwa sofra diversi ġrieħi fosthom kellu xi ħruq kif ukoll qata’ jdejh. Apparti minn hekk laħaq bela’ ħafna duħħan. It-tifla ma sofriet l-ebda ġrieħi. 

Il-kuġin tiegħu nieda kampanja sabiex jinġabru fondi biex ikunu jistgħu jitħallsu l-kontijiet mediċi tal-ġuvni. L-ammont tela’ għal $556,000 u issa dan il-ġuvni qed jitqies bħala l-eroj tal-belt. 

Ekonomija

Sport