Friday, November 22, 2024

Fl-Awstralja: Raġel akkużat li abbuża minn 91 tifla f’childcare centres

Aqra wkoll

Awstraljan li kien jaħdem mat-tfal fil-kariga ta’ childcare worker ġie akkużat b’aktar minn 1,600 reat wara li allegatament abbuża sesswalment minn 91 tifla, iffilmja l-att u mbagħad xerred il-materjal online. 

Qed ikun allegat li r-raġel, li għandu 45 sena, wettaq dawn ir-reati f’diversi childcare centres fl-Awstralja u anke barra mill-pajjiż. Huwa kien arrestat f’Mejju 2022, iżda l-pulizija damet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha għal aktar minn sena sabiex tkun tista’ tidentifika l-allegati vittmi.

L-awtoritajiet fil-pajjiż qed iqisu dan il-każ bħala wieħed mill-aktar “orribbli” li qatt raw. Ir-raġel qed ikun akkużat b’246 akkuża dwar stupru u 673 akkuża dwar attakk indiċenti fuq it-tfal – ħafna minnhom f’ċirkostanzi aggravati. 

Huwa qed jaffaċċja wkoll mijiet ta’ akkużi talli ffilmja u xerred materjal relatat ma’ abbuż fuq it-tfal. Il-pulizija allegaw li huwa rrekordja l-abbuż kollu u qalu li sabu mal-4,000 ritratti u filmati fuq l-apparati elettroniċi tiegħu. 

Ir-reat allegatament seħħ f’10 childcare centres fi Queensland u f’żewġ childcare centres oħra – wieħed f’New South Wales u l-ieħor f’pajjiż li s’issa għadu ma ssemmiex. Ir-raġel kien jaħdem f’ċentri oħra, iżda l-Pulizija Federali Awstraljana tgħid li tinsab “kunfidenti ħafna” li huwa ma wettaq l-ebda reat f’dawk iċ-ċentri.

Is-87 tifel u tifla Awstraljan li allegatament ġew abbużati – li wħud minnhom issa huma adulti – ġew identifikati u l-familji tagħhom ġew ikkuntattjati. L-awtoritajiet Awstraljani issa qed jaħdmu mal-kontropartijiet internazzjonali tagħhom biex jikkuntattjaw lill-erba’ allegati vittmi l-oħra.

Ir-raġel kien ġie rrappurtat lill-pulizija fi Queensland darbtejn qabel, fl-2021 u fl-2022, iżda l-investigaturi ma kinux sabu evidenza biżżejjed biex jipproċedu kontrih. Ir-raġel – li għad irid jissemma – mistenni li jidher fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Brisbane fil-21 ta’ Awwissu.

Sport