Fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda uffiċjalment il-wirja temporanja Moonfall: The Rare Lunar Legacy. Il-wirja, li se tiftaħ għall-pubbliku fis-7 ta’ Frar 2025, se toffri opportunità unika biex il-pubbliku jesplora meteorita lunari rari filwaqt li jifhem aħjar l-għeġubijiet xjentifiċi tal-Qamar.
Fil-wirja Moonfall: The Rare Lunar Legacy, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw framment mill-Qamar innifsu u jesperjenzaw waħda mill-akbar meteoriti lunari li jeżistu fid-dinja, permezz ta’ porzjon ta’ Tisserlitine 001 li jiżen 2006g. Għaldaqstant, il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans jesploraw ir-rabta xjentifika li teżisti bejn id-Dinja u l-Qamar.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega l-irwol li wirjiet bħal dawn għandhom fil-promozzjoni tax-xjenza u l-innovazzjoni f’Malta. “Permezz ta’ din il-wirja, l-Esplora jkompli jkun minn ta’ quddiem fit-tixrid tal-edukazzjoni tax-xjenza f’Malta. Din il-wirja hija eżempju eċċellenti ta’ kif nistgħu ninvolvu lill-pubbliku b’esperjenzi xjentifiċi mill-aktar avvanzati. Permezz ta’ dawn il-meteoriti lunari rari, din il-wirja għandha l-għan ukoll li taspira liż-żgħażagħ biex jesploraw karrieri fix-xjenza u t-teknoloġija.”
Min-naħa tiegħu, Olaf McKay, il-Kap tal-Esplora, saħaq dwar l-importanza ta’ din il-wirja li se tqajjem kurżità filwaqt li twessa’ l-għarfien dwar l-ispazju. “L-Esplora għandu impenn ċar li jispira u jinvolvi lill-ġenerazzjonijiet li jmiss ta’ xjenzati, innovaturi, u esploraturi. Moonfall hija opportunità unika biex wieħed jara biċċa mill-Qamar mill-qrib, peress li dawn il-meteoriti lunari ma jkunux normalment aċċessibbli għall-pubbliku.”
Din il-wirja se tkun qed twassal lill-pubbliku dawn il-meteoriti lunari li waqgħu fuq id-Dinja b’riżultat tal-impatti li kkawżaw asterojdi u kometi. Peress li fid-dinja jeżistu biss 360 kampjun magħruf ta’ din it-tip ta’ meteorita, wieħed għandu jieħu din l-opportunità li jesperjenza wieħed mill-aktar teżori xjentifiċi mfittxija fid-dinja.
Il-Wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mis-7 ta’ Frar 2025 sal-4 ta’ Marzu 2025. Id-dħul għal Moonfall: A Rare Lunar Legacy huwa inkluż fil-prezz regolari tad-dħul għall-Esplora.