Wednesday, April 24, 2024

Fl-Ingilterra: Omm pruvat toqtol lil binha li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu billi titfgħu taħt ferrovija

Aqra wkoll

Mara riedet toqtol lil binha billi ppruvat tiġbdu magħha fuq il-linji tal-ferrovija waqt li ferrovija tal-merkanzija kienet riesqa lejhom b’veloċità.

Andrea Reid ta’ 53 sena kienet ikkundannata tliet snin ħabs wara li l-qorti semgħet “bl-ossessjoni” tagħha li żżomm il-kustodja taż-żagħżugħ ta’ 20 sena.

Hija ppruvat taqbeż fuq il-linji tal-ferrovija u magħha tiġbed lil binha minn fuq il-pjattaforma fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Handforth, fil-Grigal ta’ Cheshire, fl-Ingilterra. Binha induna x’kien se jiġri meta sema’ l-ħorn tal-ferrovija u rnexxielu jiġbed lil ommu ’l bogħod minn fejn kienu.

Fil-każ li nstema’ f’Chester Crown Court, Reid, minn Wilmslow, wieġbet ħatja tal-attentat ta’ qtil fuq binha li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Il-Qorti semgħet li Reid marret f’park ma’ binha fis-26 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet qabel żaret pub fejn xorbet erba’ grokkijiet vodka doppji u waslet għall-attentat li toqtol lil binha għax ħasbet li l-eks żewġha kien se “jirbaħ” il-proċeduri legali dwar min jista’ jieħu l-kustodja ta’ binhom.

Wara li ħallew il-pub, l-omm u l-iben ivvjaġġaw lejn l-istazzjon tal-ferrovija f’Handforth fejn wara uffiċjali tal-pulizija sabu lil Reid fi “stat isteriku” fuq it-taraġ tal-istazzjon wara l-inċident. Hija stqarret mal-pulizija li ma riditx tgħix din il-ħajja mingħajr binha u għalhekk ippruvat toqtol lilha nnifsha u lil binha.

L-Avukat Difensur Sarah Badrawy qalet lill-qorti li l-isfond tal-istorja kien “relazzjoni emozzjonali u mentalment abbużiva” li rriżultat f’divorzju akrimonju.
Żiedet li Reid qed tissielet mal-intensità tal-proċeduri legali dwar il-kustodja, u s-saħħa mentali tagħha kienet deterjorat b’mod sinifikanti.

L-Imħallef Simon Berkson iddeskriva l-każ bħala “traġiku” waqt is-sentenza u fisser l-intenzjoni tal-akkużata bħala waħda li ma kinitx biss li toqtol lilha nnifisha imma wkoll lil binha li tant ħabbitu.

Sport