Floriana Ajax Darts Team se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fiċ-Champions League of Darts, li se ssir bejn il-21 u t-23 ta’ Ottubru 2026 f’Budapest, l-Ungerija.
Il-kompetizzjoni se tintlagħab fir-Récsei Center – Remiz Sport Hall, post attrezzat apposta għall- kompetizzjonijiet tad-darts u li se jilqa’ timijiet li se jkunu qed ifittxu suċċess fuq livell Ewropew.
Floriana Ajax jaslu għal dan l-appuntament b’rekord mill-aqwa fix-xena lokali. Il-klabb rebaħ disa’ darbiet il-Kampjonat Malti tat-8-a-Side, sitt darbiet dak tal-4-a-Side u għaxar darbiet il-5-a-Side. Barra minn hekk, Floriana Ajax rebħu t-Treble tliet darbiet u huma ċ-champions ta’ Malta għal dawn l-aħħar erba’ snin konsekuttivi.
L-iskwadra li se tivvjaġġa lejn Budapest hija magħmula mill-captain Jonathan Aquilina, Omar Aquilina, Albert Scerri, Enrico Scerri, Kirsten Aquilina, Edward Azzopardi, Chris Scerri, Stephen Tagliaferro u Mario Farrugia.
Magħhom se jkun hemm ukoll il-President tal-klabb Tony Amaira, flimkien maż-żewġ delegati Eugenio Micallef u Twanny Roberts.
Din il-parteċipazzjoni se tagħti lil Floriana Ajax opportunità oħra biex ikejlu l-livell tagħhom fix-xena internazzjonali, filwaqt li jtajru l-bandiera Maltija f’Budapest.
Il-klabb irringrazzja wkoll lil VisitMalta, li qed jappoġġja lit-tim bħala sponsor f’din l-avventura Ewropea.





