F’intervista ma’ Bjorn Vassallo, l-President tal-MFA, huwa spjega li l-Assoċċjazzjoni bħalissa qiegħda tistudja numru ta’ skemi biex dawk li jimxu barra l-pajjiż u ma jkunux irreġistrati f’livell ta’ professjonisti, jingħataw assistenza finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jkopru parti mill-ispiża li l-ġenituri jkunu jridu jiffinanzjaw.
Il-kwalita fil-logħob taż-żgħażagħ jidher li dejjem qed titjieb u dan nistgħu narawh anki fil-logħob tan-nazzjonal ta’ taħt 16-il sena u 15-il sena li konsistentament qed iġibu riżultati tajbin lejn pajjiżna, b’din il-ġimgħa saħansitra rebħa kontra l-Arabja Sawdija.
Miżuri introdotti u l-investiment fil-plejers żgħażagħ Maltin
Il-President Vassallo, spjega li bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja li jinvesti fil-livell ta’ grassroots fil-futbol, ir-ritorn huwa dak li tara l-aħjar plejers li rawwimt jilħqu l-potenzjal tagħhom u jaslu jagħmlu karriera professjonali fil-futbol li jgħodd. Huwa saħaq li dawn eventwalment se jirriflettu l-kapaċita’ tagħhom meta jirrapreżentaw it-timijiet nazzjonali.
Vassallo ddeskriva l-ħidma fiċ-Ċentru Tekniku, li xogħlhom huwa li jibnu relazzjonijiet ma’ numru ta’ klabbs jew akkademji barranin biex fejn inħossu li hemm potenzjal, b’diskussjoni u qbil mal-plejers infushom, mal-klabbs li jirrapreżentawhom u anki mal-ġenituri tagħhom, jesploraw l-opportunita’ biex il-plejers ikomplu bit-taħriġ barra minn xtutna.
Il-President qal li bħalissa bejn dawk imwielda Malta u oħra b’dixxindenza, fil-kategoriji maskili u femminili, għandna madwar 60 plejer li huma eliġġibli jirrapreżentaw it-timijiet nazzjonali tagħna u li għandhom il-livell biex jagħmlu dan. Dawn żdiedu ferm fl-aħħar snin speċjalment fil-kamp femminili u f’etajiet ta’ żvilupp fil-kamp maskili. L-Assoċjazzjoni propju bħalissa qiegħda wkoll tistudja numru ta’ skemi biex dawk li jimxu barra l-pajjiż u ma jkunux irreġistrati f’livell ta’ professjonisti, jingħataw assistenza finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jkopru parti mill-ispiża li l-ġenituri jkunu jridu jiffinanzjaw.
Biex nibnu ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers li tilħaq l-aspetattiva’ għal dak li kapaċi joffri pajjiżna f’sens ta’ talent, irridu mhux biss nibqgħu ninvestu fil-faċilatijiet sportivi, fit-taħriġ u l-metedoloġija, fix-xjenza sportiva u fil-benesseri tal-plejers imma wkoll irridu nagħmlu ċert li fejn hemm it-talent dan ikollu fejn jikber f’kampjonati ferm aktar ta’ livell minn dawk li għandna f’pajjiżna, qal il-President.
Huwa qal li talent jeżisti, plejers u ġenituri disposti għall-opportunita’ hemm ħafna, klabbs lokali jikkollaboraw dejjem sibna u klabbs barranin interessati fit-talent tagħna għandna. Għalhekk mhux impossibli nkomplu nkabbru l-pool ta’ plejers fuq livell internazzjonali. Din hija d-differenza bejn l-Iżlanda u Malta biex insemmi pajjiż żgħir bħalna li laħaq livelli fil-futbol li aħna qatt ma missejna. Id-differenza hi li l-kowċis nazzjonali tagħhom għandhom numri kbar ta’ plejers minn fejn jagħżlu li jilgħabu barra mill-Iżlanda li meta kkumparat ma’ tagħna ma nibdewx ħdejhom. Dik biss tirrifletti fil-prestazzjonijiet u r-riżultati li jġibu. M’hemmx maġija oħra li tagħmilhom aħjar minnha. Hemm stil ta’ ħajja differenti, spjega Vassallo.
Il-Malta Football Association (MFA), hija magħrufa l-aktar għar-responsabbilta li għandha mat-timijiet tan-Nazzjonal, iżda apparti dak ix-xogħol hija wkoll l-Awtorita uffiċjali li tirregola l-futboll Malti.
L-irwoli tal-MFA u l-Premiere League fil-futboll Malti tal-irġiel tal-kbar
Il-President, Bjorn Vassallo, qal li l-idea li l-Premier League isir kampjonat professjonali u jingħata l-awtonomija kienet ippreżentata għall-ewwel darba fl-2019 meta kien ppreżenta l-manifest tiegħu għal kampanja fl-elezzjoni ta’ President. Huwa spjega li konsegwentament meta ġie elett il-manifest kien approvat fi strateġija u ftit xhur wara bdew id-diskussjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ din il-proposta.
Issa li l-Premier League ilu numru ta’ snin jitmexxa mill-klabbs, il-President qal li għalih l-għan intlaħaq u sodisfatt li llum il-klabbs jistgħu jiddeċiedu għalihom fuq numru ta’ dominji li jappartjenu għall-kategorija tagħhom. Pero huwa spjega li dak li jappartjeni lill-futbol Malti, bħall-integrita’ u l-etika, d-dixxiplina sportiva, l-uffiċjali u l-liġijiet tal-logħba u l-governanza, tiddeċedih l-MFA fil-fora tagħha għaliex hija l-Assoċjazzjoni li tirregola l-futbol f’pajjiżna.
Huwa qal li bħala MFA għaddew ħafna mill-poteri li kellhom qabel lil Malta Premier League biex tirregola numru ta’ responsabbilitajiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-klabbs li jipparteċipaw fil-Kampjonat Premier. Fost dawn hemm il-parti kummerċjali fejn l-MFA għaddiet id-drittijiet kollha lill-klabbs, filwaqt li fejn jidħol ir-regolatorju sportiv hemm qsim fir-responsabbiltajiet u allura jrid ikun hemm qbil bilaterali bejn il-partijiet biex jipproċedu.
Vassallo qal li kollox ma’ kollox s’issa kienet esperjenza li tat aktar pożittiv milli bil-kontra u hemm spazju għal aktar tagħlim biex inħaddmu dan il-proġett bl-aħjar mod.
L-MFA tal-lum espandiet ħafna u ma tistax tibqa’ topera kull parti tal-logħba waħidha, huwa għalhekk li kif spjega l-President iridu jkomplu jikbru u jiddiversifikaw. Huwa qal li hemm bżonn naħsbu dejjem aktar f’mudelli li jwassluna nevolvu u dan kien l-ewwel pass.
Issa fl-aħħar xhur wasalna wkoll għat-tieni pass, fejn il-klabbs għandhom iċ-ċans li jkunu pprivatizzati u diġa’ rajna żewġ klabbs tal-Premier League li qalbu għal dan il-mudell u qed jibnu l-futur tagħhom fuq bażi totalment differenti mill-passat. Malta parti mid-dinja tal-futbol fejn dawn l-aspetti u innovazzjonijiet ilhom li kienu introdotti u jekk irridu nkomplu nikbru u nevolvu ma nistgħux nibqgħu lura milli nesploraw u nimplimentaw bħal ħaddieħor. Dan dejjem fir-rispett tar-regolamenti u tal-liġijiet nazzjonali biex it-trasparenza u l-akkontabbilita’ jibqgħu prinċipji importanti ta’ governanza f’dak kollu li nagħmlu.
Il-mandat bħala President tal-MFA jintemm fl-2028, pero skont l-istrateġija ppublikata, fadal xi jsir.
L-implimentazzjoni tat-tieni strateġija ppreżentata
Il-President spjega li bħalissa l-MFA qiegħda timplimenta proġetti u riformi mit-tieni strateġija li ġiet ppreżentata. Fost l-oħrajn hemm riforma fis-settur tal-grassroots immirata għan-nurseries u l-akkademji tal-klabbs, iżda naħseb l-aktar proġett importanti huwa l-investiment li se jkompli jsir fil-kumpless sportiv f’Ta’ Qali.
Huwa qal li wara li tlesta c-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol issa bdiet il-ħidma biex jiġi mmordenizzat l-Istadium Nazzjonali u ċ-Centenary Stadium u l-pjan huwa li x-xogħol jibda f’fażijiet fil-bidu tas-sena 2028. Il-President qal li dan il-proġett ambizzjuż ħafna u se jagħti dehra ġdida u akkoljenti b’faċilita’ funzjonali li tixtraq lill-pubbliku sportiv għaż-żminijiet tal-lum.
Vassallo kkonkluda billi qal li bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett se jkun għamel dak kollu li kellu jagħmel fil-futbol Malti. Ir-riforma fil-governanza, l-introduzzjoni tat-teknoloġija fil-futbol, il-proġett tekniku, il-faċilitajiet sportivi tal-klabbs u tal-Assoċjazzjoni, l-awtonomija tal-Kampjonat Premier u bidliet sostanzjali fil-liċenzjar tal-klabbs kienu fost il-ħafna ħidmiet li flimkien mal-membri tagħna l-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri rnexxielna nagħmlu u nimplimentaw b’suċċess għall-ġid tal-futbol Malti u Għawdxi qal il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo.

