Saturday, May 4, 2024

Football tan-Nisa: Doppjetta ta’ Haley Bugeja tagħti rebħa lill-Maltin

Aqra wkoll

Malta……………….2

Lussemburgu…….1

Kellha tkun doppjetta personali tal-iskorer prolifiku Maltija Haley Bugeja li tat rebħa ta’ 2-1 lil Malta kontra l-Lussembugu f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali.

Kienu l-Maltin li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss erba’ minuti Jade Flask kellha x-xutt tagħha jintemm ftit barra.

Madankollu, il-Lussemburgu wettqu reazzjoni tajba u fl-14-il minuta rebħu penalty meta Ann-Marie Said misset b’idejha xutt ta’ player avversarju fil-kaxxa. Mill-11-il metru l-attakkanta MARTA ESTEVEZ ma żbaljatx.

Fl-20 minuta, xutt minn barra l-kaxxa tal-captain Emma Lipman għadda barra.

Dan sabiex żewġ minuti biss wara Stephania Farrugia kellha daqqa ta’ ras mill-viċin li ġiet salvata mill-goalkeeper tal-Lussemburgu, Lucie Shlime.

Fis-36 minuta Malta rebħu penalty meta Haley Bugeja twaqqgħet fil-kaxxa minn player avversarju. Mill-11-il metru nkarigat ruħha l-istess HALEY BUGEJA li tefgħet il-ballun fix-xibka.

Ftit wara Malta kważi qalbet l-iskor favuriha meta Bugeja għaddiet tajjeb lejn Flask, iżda din kienet sfortunata meta rat it-tentattiv tagħha jistampa mal-mimduda.

Fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-awtriċi tal-uniku goal tal-Lussemburgu, Estevez, ippruvat taħsad lill-goalkeeper Maltija Janice Xuereb bi freekick iżad din tal-aħħar salvat bi bravura.

Fil-50 minuta, Bugeja kellha daqqa ta’ ras mill-viċin salvata minn Schlime. Il-Lussemburgu rrispondew permezz ta’ Caroline Jorge li kellha freekick minn tarf il-kaxxa salvat minn Xuereb.

Dan sabiex fis-67 minuta Malta skorjat il-goal tar-rebħa meta Maria Farrugia indirizzat cross sabiħ li sab lil HALEY BUGEJA li permezz ta’ daqqa’ ta’ ras mill-viċin tefgħet ġewwa, biex b’hekk irreġistrat doppjetta personali.

Malta: 1-Janice Xuereb, 3-Ann-Marie Said, 4-Emma Lipman, 5-Stephania Farrugia, 11-Jade Flask, 13-Maria Farrugia, 14-Shona Zammit, 17-Brenda Borg, 18-Emma Xuereb, 20-Nicole Sciberras, 21-Haley Bugeja Coach: Manuela Tesse

Lussemburgu: L. Schlime, A. Delgado Do Rosario, K. Dos Santos, M. Estevez, E. Fernandes, C. Jorge, A. S. Machado, L. Miller, L. Scmit, M. Soares Marques, A. Thompson

Skorers: H. Bugeja pen. 36, 67 (M), M. Estevez pen. 15 (L)

Sport