Sunday, November 24, 2024

Football tan-Nisa: Dorianne Theuma tħabbar li se tirtira

Aqra wkoll

Waħda mill-iktar players dekorati fil-football tan-nisa Malti, hija bla dubju l-midfielder veterana, Dorianne Theuma, li f’dawn il-ġranet ħabbret li se tirtira wara karriera twila.

Theuma, li twieldet fis-17 ta’ Mejju, 1984, eżattament bħal-lum xahar se tagħlaq 40 sena, kellha karriera brillanti li ratha tkun l-ewwel player Maltija li tilgħab 100 logħba mat-team nazzjonali u b’kollox libset il-flokk aħmar u abjad 114-il darba li fihom skorjat 29 goal.

Fil-karriera tagħha fil-livell ta’ clubs hija rebħet l-unuri prinċipali kollha bosta drabi tant li l-kampjnat rebħitu xejn inqas minn 13-il darba, in-Knock-Out seba’ darbiet u s-Super Cup disa’ darbiet.

Hija libset il-flokk ta’ Hibernians f’żewġ perjodi differenti mill-1997 sal-2008 u t-tieni darba mill-2013 sal-2019. Bejn l-2008 u l-2013 hija lagħbet ma’ Mosta waqt li mill-2019 tat servizz lil Swieqi United li proprju se jkunu l-aħħar team tal-karriera tagħha.

Meta  bdiet tilgħab il-football ma kienx hawn nurseries tal-clubs u dan kien ifisser li player tingħaqad mat-team ewlieni li tkun sieħbet irrispettivament mill-etá.

Fiż-żmien li għamlet ma’ Mosta, huma rebħu tliet Super Cups (2009-10, 2011-12 u 2012-13), in-Knockout (2011-12) u l-Kampjonat fl-2010-11. Huma spiċċaw ukoll finalisti fis-Super Cup fl-istaġun 2010-11 u fin-Knockout fl-2012-13.

Bejn l-2013 u l-2019, Hibernians rebħu tliet kampjonati konsekuttivi u tliet Super Cups bejn l-2013-2014 u l-2015-2016. Huma rebħu t-Treble fi staġuni konsekuttivi wkoll fl-2014-2015, 2015-2016 billi rebħu wkoll in-Knockout, filwaqt li fl-2013/2014 temmew bħala finalisti fil-kompetizzjoni.

It-team rebaħ żewġ Super Cups oħra fl-2016/2017 u fl-2018/2019, u f’nofshom spiċċaw finalisti fl-istaġun 2017/2018.

Mument mill-aktar feliċi fiż-żmien tagħha mat-team nazzjonali kien meta Malta kisbet l-ewwel rebħa kontra l-Estonja waqt li fl-2013 it-team ikkwalifika għall-ewwel darba mill-grupp preliminari tat-Tazza tad-Dinja.

Hija rebħet ukoll l-unur tal-Aħjar Player tas-Sena għal tmien darbiet. 

Sport