Wednesday, April 24, 2024

Football tan-Nisa: Illum Malta tilgħab kontra Montenegro

Aqra wkoll

Illum it-team nazzjonali tan-nisa jospita lil dak ta’ Montenegro f’partita mill-kwalifikazzjoni tat- Tazza tad-Dinja 2023 … erbat ijiem qabel ma jiffaċċja lil Bosnja, f’Ze­nica.  

Taħt il-gwida tal-coach Mark Gatt, it-team għadu ġej minn rebħa storika fl-Azerbaijan bl-iskor ta’ 2-1, f’Baku, b’goals minn Dorianne Theuma u Emma Xuereb. Din kienet l-ewwel rebħa għal pajjiżna f’round ta’ kwalifikazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni.

Il-coach Mark Gatt jinsab kon­xju mit-theddida tal-Montenegro u qed iħeġġeġ lill-players tiegħu biex ikunu prudenti u kuraġġużi għal din il-partita li tiddetermina min se jkun fit-tielet  post f’din il- ġurnata. Huwa qal:

“Il-Montenegro jistgħu jkol­lhom vantaġġ fuqna fejn tidħol is-saħħa fiżika filwaqt li fl-istess ħin għandhom players b’esperjenza kbira minħabba li wħud minnhom jilagħbu ma’ clubs Spanjoli u Ġermaniżi.

“Madankollu, aħna wkoll għandna il-kwalitajiet tagħna li jippermettulna li jkollna sehem importanti f’dawn il-logħob internazzjonali. Barra minn hekk, għandna wkoll players li huma bbażati barra minn Malta u t-taħlita attwali ta’ żgħażagħ u esperjenza fit-team qed tgħinna wkoll nagħ­mlu t-team aktar kompetittiv.”

 Iż-żewġ timijiet diġà affrontaw lil xulxin aktar kmieni din is-sena, f’żewġ partiti ta’ ħbiberija li ntlagħbu fis-Centenary Stadium. f’Ġunju li għadda.

Il-Montenegro kienu ħarġu rebbieħa 2-1 fl-ewwel partita, b’Shona Zammit tiskorja l-goal ta’ Malta. Fit-tieni logħba goal minn daqqa ta’ ras ta’ Jade Flask kien biżżejjed biex ta lil Malta rebħa mistħoqqa.

 “Qed nistennew li niffaċċjaw lill-Montenegro, team li diġà ltqajna magħhom f’żewġ partiti ta’ ħbiberija lura f’Ġunju,” irrimarka Gatt.

 “Ovvjament, dawk il-partiti ta’ ħbiberija servewna bħala preparazzjoni qabel dawn il-partiti ta’ kwalifikazzjoni u għalhekk ippruvajna ħafna affarijiet differenti fiż-żewġ partiti.

 “Iż-żewġ naħat urew sinjali ta’ progress minn dawk il-logħob hekk kif komplejna niksbu l-punti permezz ta’ wirjiet sodi kontra ti­mijiet bħal Bosnja u Azerbaijan. 

“Nittama li nistgħu nagħtu wirja mill-aqwa f’dik li nemmen li se tkun partita interessanti ħafna biex il-partitarji jsegwu.”

Ir-riżultati fil-logħob riċenti jenfasizzaw il-progress li dawn iż-żewġ timijiet għamlu fuq livell internazzjonali. Fil-fatt, Malta tinsab fit-93 post tar-rankings filwaqt li l-Montenegro jokkupaw t-98 post.

L-iskwadra Maltija hija:  

Goalkeepers: Janice Xuereb (Birkirkara); Patricia Ebejer (Mgarr U.); Jodie Attard (Swieqi U.).

Difensuri: Maia Debono (Mgarr U.); Jessica Dimech, Jade Flask, Jade Schembri (Swieqi U.); Stephania Farrugia, Ann-Marie Said, Gabriella Zahra, Charlene Zammit (Birkirkara); Nicole Sciberras (Ta­vagnacco, Italja).

Midfielders: Alishia Sultana, Veronique Mifsud (Birkirkara); Em­ma Xuereb, Shona Zammit, Dorianne Theuma (Swieqi U.); Emma Lipman (Como Women, Italja); Rachel Cuschieri (Lazio, Italja).

Attakkanti: Brenda Borg, Fran­cesca Chircop (Mgarr U.); Haley Bugeja (Sassuolo, Italja); Ylenia Carabott (Keynsham Town Ladies, Ingilterra); Maria Farrugia (Sunderland Ladies, Ingilterra).

Il-partita se tintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-7.00 pm.

Sport