F’Ottubru, Tiftaħ The Maids b’Diskussjoni Attwali Mmexxija mid-Direttur Brittaniku Tagħha, l-MGRM u LGBTI+ Gozo

Aqra wkoll

Produzzjoni ġdida ta’ The Maids ta’ Jean Genet se tiftaħ fit-2 ta’ Ottubru għal sitt rappreżentazzjonijiet f’Theatre Next Door – u għal serata waħda biss id-dramm se jkun segwit minn diskussjoni mmexxija mid-direttur rebbieħ ta’ diversi premjijiet Scott Le Crass flimkien ma’ rappreżentanti tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM) u LGBTI+ Gozo.

The Maids hijakoproduzzjoni ta’ Adrian Buckle u Victor De Bono, u se tkun l-ewwel darba li t-traduzzjoni ta’ Martin Crimp, li ddebuttat fil-Young Vic ta’ Londra fl-1999, se tittella’ f’Malta. B’differenza minn bosta produzzjonijiet internazzjonali oħra ta’ The Maids,li tipikament ikollhom kast kollu kemm hu femminili, din il-produzzjoni se tinħadem minn tlieta mill-aqwa atturi rġiel f’Malta: Malcolm Galea, Anton Saliba u Victor De Bono.

Din id-deċiżjoni mhux tas-soltu mid-direttur teatrali Brittaniku Scott Le Crass toffri interpretazzjoni ġdida tad-dinamiċi sesswali u l-politika queer tad-dramm – suġġett li mbagħad se jinfetaħ għal aktar diskussjoni wara l-wirja tal-4 ta’ Ottubru.

“Genet kiteb The Maids bħala studju tal-poter u l-abbużi minnu, u dawk il-mistoqsijiet għadhom relevanti sal-lum,” qal Scott Le Crass. “Huwa xogħol esiġenti kemm għall-atturi kif ukoll għall-udjenza, u naħseb li Malta lesta għalih.” 

Kien każ ta’ delitt reali li nebbaħ lil Jean Genet biex jikteb id-dramm psikoloġiku klawstrofobiku tiegħu The Maids fl-1947. Affaxxinat mill-qtil doppju ta’ omm u bintha f’Le Mans fl-1933 minn idejn il-qaddejja tagħhom stess li kienu jgħixu magħhom, Genet kiteb dwar żewġ qaddejja li jwettqu fantasiji elaborati fejn jimitaw – u jispiċċaw joqtlu – lis-sinjura tagħhom. Il-fantasija ma ddumx ma tisfuma mar-realtà, u l-krudeltà tibda tieħu post kull tenerezza li xi darba kellhom lejn min kien iħaddimhom.

Minn dakinhar ‘l hawn, id-dramm sar wieħed mix-xogħlijiet ta’ Genet li jittella’ l-aktar ta’ spiss, b’wirjiet fi Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti – u produzzjonijiet tiegħu dejjem għaddejjin internazzjonalment. Verżjoni ta’ dan id-dramm taħt id-direzzjoni ta’ Kip Williams riċentement għaddiet mid-Donmar Warehouse ta’ Londra għal St Ann’s Warehouse fi New York, wara produzzjoni oħra f’Jermyn Street Theatre fl-2025. 

Scott Le Crass, li hu magħruf għar-revivals ta’ drammi klassiċi li rebħu diversi premjijiet, għal spettakli solo bħal Rose bl-attriċi Maureen Lipman bħala protagonista, u għall-enfasi tiegħu fuq stejjer qawwija, ħafna drabi marbutin mal-klassi tal-ħaddiema jew b’tema queer, se jkun qed imexxi t-tim kreattiv formidabbli li hemm wara The Maids. Chakib Zidi se jkollu f’idejh id-direzzjoni tal-moviment, li se jikkumplimenta d-disinn tax-xenarju minn Romualdo Moretti, id-disinn tal-kostumi minn Nicole Cuschieri, id-disinn tad-dwal minn Christopher Gat u d-disinn tas-sound minn Albert Garzia.

Il-produzzjoni ta’ Adrian Buckle u Victor De Bono ta’ The Maids ta’ Jean Genet se tittella’ f’Theatre Next Door, il-Magħtab, fit-2, it-3, id-9 u l-10 ta’ Ottubru fit-8pm u fl-4 u l-11 ta’ Ottubru fis-7pm. Il-produzzjoni hija appoġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), LGBTQ+ Gozo, Aġenzija Żgħażagħ u l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta. Din il-produzzjoni hija adattata għal udjenza minn 16-il sena ‘l fuq. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.adrianbuckle.com.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport