Wednesday, July 24, 2024

F’perjodu ta’ 10 snin, il-popolazzjoni tal-barranin f’pajjiżna kibret b’ħames darbiet

... Il-popolazzjoni Maltija tikber bi kważi 29% f’10 snin

Aqra wkoll

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-popolazzjoni Maltija kibret minn 421,464 fl-2012 għal 542,051 fl-2022. Dan ifisser l-popolazzjoni żdiedet b’28.6% fuq perjodu ta’ 10 snin. 

L-NSO qal li din iż-żieda fil-popolazzjoni kienet prinċipalment riżultat ta’ tkabbir fil-popolazzjoni barranija. Filwaqt li l-popolazzjoni tal-Maltin żdiedet biss b’1.7% – minn 398,099 għal 404,675, il-popolazzjoni tal-barranin kibret b’ħames darbiet sabiex telgħet minn 23,365 fl-2012 għal 137,376 fl-2022.

Filwaqt li l-età medja tal-popolazzjoni fl-2022 baqgħet fl-istess livell tal-2012, jiġifieri dik ta’ 39 sena, ġie nnotat xi ċaqliq fis-sehem tat-tfal u l-anzjani fil-popolazzjoni. Filwaqt li fl-2012, is-sehem tal-popolazzjoni minn 65 sena ‘l fuq kien ta’ 17.1% dan żdied għal 18.6% fl-2022. Min-naħa l-oħra, kien irreġistrat tnaqqis fis-sehem tat-tfal li għandhom 14-il sena jew inqas – minn 14.6% fl-2012 għal 12.7% fl-2022.

Fl-2012, is-sehem tan-nisa kien kemmxejn ogħla minn dak tal-irġiel: 50.2% nisa u 49.8% irġiel. Fl-2022, din ix-xejra inqalbet bis-sehem tal-irġiel li issa qiegħed jaqbeż ʼil dak tan-nisa: 52.5% irġiel u 47.5% nisa. 

Bejn l-2012 u l-2022, Malta kellha migrazzjoni netta totali (l-għadd tal-immigranti li minnu jitnaqqas l-għadd tal-emigranti) taʼ 117,259 persuna. L-akbar għadd taʼ migranti netti kien fis-sena 2022 bʼ21,798 migrant nett u ssegwiha hemm is-sena 2019 bʼ21,225 migrant nett. 

L-istatistika turi wkoll kif is-sehem tal-popolazzjoni barranija żdied minn 5.5% fl-2012 għal 25.3% fl-2022. Fl-2022, 69% tal-popolazzjoni barranija kienu ċittadini mhux tal-UE, filwaqt li l-31% l-oħra kienu ċittadini tal-UE. Huwa importanti li wieħed jirrimarka, li mill-2020, iċ-ċittadini tar-Renju Unit bdew jiġu inklużi maċ-cittadini mhux tal-UE.

Fl-2022, l-Imdina baqgħet il-lokalità bl-iżgħar popolazzjoni, dik ta’ 202 residenti. Filwaqt li fl-2012 Birkirkara kienet il-lokalità bl-akbar għadd ta’ nies – 21,676 resident, fl-2022 San Pawl il-Baħar qabiżha meta sar jgħodd 35,419-il resident. Meta mqabbla mal-2012, il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar aktar milli rduppjat. Is-sehem tal-barranin residenti żdied fil-lokalitajiet kollha meta wieħed iqabbel l-2022 mal-2012. L-Imsida kienet il-lokalità bl-akbar sehem ta’ residenti barranin fl-2022, bl-ammont ilaħħaq id-59.1% tal-popolazzjoni tagħha. Din kienet segwita minn San Pawl il-Baħar bi 58.1% ta’ residenti barranin. Min-naħa l-oħra, Ħad-Dingli kienet il-lokalità bl-inqas sehem ta’ barranin bi 2.7% tal-popolazzjoni residenti.

It-tkabbir irreġistrat fil-popolazzjoni bejn l-2012 u l-2022 wassal għal żieda fid-densità tal-popolazzjoni. Filwaqt li fl-2012 id-densità tal-popolazzjoni fil-Gżejjer Maltin kienet ta’ 1,337 resident għal kull kilometru kwadru, fl-2022 din żdiedet għal 1,721 għal kull kilometru kwadru. 

Ekonomija

Sport