Sunday, November 24, 2024

French Open: Novak Djokovic jikkwalifika għas-semi-finali

Aqra wkoll

Is-Serb Novak Djokovic qata’ l-passaġġ għas-semi-finali tal-French Open li qed isir f’Roland  Garros, meta fl-ewwel kwarti-finali tal-irġiel warrab l-isfida ġejja mir-Russu, Karen Khachanov, meta għelbu 4-6 7-6 (7-0) 6-2 6-4.

U filwaqt li l-player ta’ 36 sena inżamm fuq il-court għal   tliet sigħat u 43 minuta, ir-riżultat qatt ma deher dubjuż ladarba rebaħ b’mod komprensiv it-tie-break tat-tieni set.

Djokovic jista’ jsir l-ewwel player li jirbaħ l-erba’ titli maġġuri mill-inqas tliet darbiet.

Huwa ma kienx waqqa’ set fit-tournament kollu fuq it-tafal ta’ Pariġi iżda Khachanov ipprovda t-test li forsi kellu bżonn biex jippreparah għal semi-finali diffiċli.

Fis-semi-finali huwa jiltaqa’ kontra Carlos Alcaraz jew Stefanos Tsitsipas li l-logħba tagħhom intemmet tard nhar it-  Tlieta filgħaxija.  

Fl-aħħar logħbiet mill-Aħħar 16, il-Ġermaniż Alexander Zverev għeleb lil Grigor Dimitrov tal-Bulgarija 6-1 6-4 6-3 waqt li Tomas Etchverry tal-Arġentina elimina lill-Ġappuniż, Yoshihito Nishoka, 7-6 (10-8) 6-0 6-1.

Il-mixja tal-ħolm tal-Ukrena, Elina Svitolina, fil-French Open intemmet hekk kif is-seed numru 2, Aryna Sabalenka tal-Belarus, żammet l-iffukar tagħha biex tasal sas-semi-finali.

Svitolina, li lagħbet fl-ewwel Grand Slam tagħha minn meta welldet f’Ottubru, tilfet 6-4 6-4 fuq it-tafal ta’ Pariġi.

Kien hemm atmosfera ta’ tensjoni bejn żewġ nisa li pajjiżhom jinsab fuq naħat opposti tal-gwerra tar-Russja fl- Ukrajna.

Sabalenka saħqet għaliex hija waħda mill-favoriti għat-titlu u issa se tilgħab kontra Karolina Muchova, fl-aħħar erbgħa.

Iċ-Ċeka mhux issidjata laħqet l-ewwel semi-finali ta’ dan l-Open b’rebħa b’żewġ sets, 7-5 6-2, fuq l-eks finalista, ir-Russa Anastasia Pavlyuchenkova.

Il-mixja ta’ Svitolina għall-kwarti-finali kienet waħda tal-istejjer li ġibdu l-għajn fit-tournament ta’ din is-sena.

Svitolina, ex-numru 3 tad-dinja, issa tinsab fil-192 post hekk kif tkompli r-ritorn tagħha wara li welldet lil bintha, Skai, u qabżet l-akbar aspettattivi tagħha billi laħqet il-kwarti-finali fl-ewwel avveniment tagħha ta’ Grand Slam minn dak iż-żmien.

Dan, flimkien mat-tensjoni mentali tal-gwerra lura f’pajjiżha fl-Ukrajna, jagħmel il-kisbiet tal-player ta’ 28 sena f’Roland Garros pjuttost notevoli. Madankollu, dan ma waqqafx lill-folla ta’ Pariġi tibbuwjaha talli rrifjutat li wara l-logħba tieħu b’idejn Sabalenka.

Anke jekk Svitolina għelbet lid-disa’ seed Russa, Daria Kasatkina, fir-round ta’ qabel, it-teħid kontra ċ-champion tal-Awstralian Open, Sabalenka, li tista’ issir in-numru wieħed il-ġdida tad-dinja din il-ġimgħa, kienet proposta differenti.

Bis-sitwazzjoni politika bejn il-pajjiżi taż-żewġ players tipprovdi l-isfond, kien hemm atmosfera ta’ biża’ hekk kif evitaw ir-ritratt tas-soltu ta’ qabel il-partita.

L-unika dehra preċedenti ta’ Muchova fis-semi-finali tal-Grand Slam waslet fl-Awstralja fl-2021, fejn tilfet kontra Jennifer Brady.

Muchova bbukkjat biss it-tieni Grand Slam tagħha fl-aħħar erbgħa, fejn ħadet is-set tal-ftuħ mimli tensjoni u twil li kien fih ħames breaks tas-service qabel rebħet it-tieni b’kumditá kbira.

Pavyluchenkova, li niżlet għat-333 post fid-dinja wara injury serja fl-irkoppa s-sena li għaddiet, waslet għall-finali f’Roland Garros fl-2021 fejn tilfet kontra Barbora Krejcikova.

It-tamiet tagħha li tirrepeti dik il-mixja ġew mitmuma b’wirja mill-aqwa minn Muchova, 26 sena, li kisret is-service tar-Russa ħames darbiet.

Sport