Sunday, December 22, 2024

F’sena twettaq 20% tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza u l-mainstreaming

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ħabbret li fl-ewwel sena mit-tnedija tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza u l-mainstreaming twettaq 20% tal-pjan ta’ azzjoni li joħroġ minn din l-istrateġija.

Hija ħabbret dan meta tkellmet f’konferenza tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem li huwa responsabbli  għat-twettiq ta’ din l-istrateġija li hija mifruxa fuq ħames snin.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg semmiet, fost oħrajn, li kull Ministeru issa għandu uffiċjal biex jassigura l-implimentazzjoni tal-miżuri favur l-ugwaljanza u twaqqaf kumitat inter-ministerjali biex jikkordina t-twettiq tal-inizjattivi favur l-ugwaljanza.

Hija qalet li l-liġijiet l-ġodda kollha jirriflettu l-prinċipji tal-ugwaljanza waqt li qed isir eżerċizzju biex ikunu miflija l-liġijiet kollha biex dawn ukoll eventwalment ikunu konformi mal-prinċipji tal-ugwaljanza u ma jkunux diskriminatorji.

Il-konferenza li mmarkat l-ewwel sena mit-tnedija tal-istrateġija, iddiskutiet ukoll kif jista’ jikber is-sehem tal-mara fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet u f’karigi għola fl-intrapriża u f’entitajiet pubbliċi.

F’dan ir-rigward, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-gvern Malti huwa impenjat li jdaħħal fis-seħħ id-direttiva ġdida tal-Unjoni Ewropea li tobbliga lill-kumpaniji ewlenin biex ikollhom rappreżentanza ġusta tan-nisa fil-bordijiet tagħhom. Qalet li dan ser ikun pass ieħor importanti favur l-ugwaljanza għaliex ser jikkumplimenta l-avvanz kbir li l-mara Maltija għamlet fl-aħħar ftit snin.

Dwar is-sehem tal-mara fil-politika, hija qalet li f’aktar minn mitt sena ta’ storja Parlamentari, din il-leġislatura għandha rekord ta’ kważi ta’ 28% ta’ deputati nisa b’riżultat tal-mekkaniżmu korrettiv li intuża għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni.

Ekonomija

Sport