Monday, May 13, 2024

Ftehim għal aktar koperazzjoni fl-AI

Issir il-laqgħa tal-MED9 dwar l-ekonomija diġitali

Aqra wkoll

Fi tmiem il-laqgħa tal-MED9 li saret dalgħodu f’pajjiżna, ġie ffirmat ftehim bejn id-disa’ pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea biex dawn jikkoperaw aktar bejniethom fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI).

Il-laqgħa saret fl-MFCC, Ta’ Qali, waqt li kienet għaddejja wkoll it-“TECHXPO”. F’konferenza stampa, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li d-disa’ pajjiżi qablu li jsir investiment robust fl-infrastruttura tal-AI.

Qal ukoll li kien hemm qbil sabiex jinħolqu ċentri madwar ir-reġjun dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex ikun hemm start ups u intrapriżi ġodda.

Id-disa’ pajjiżi qablu wkoll sabiex jużaw it-teknoloġiji li jaħdmu bl-AI biex jiġġieldu kontra c-cybercrime. Dan filwaqt li tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali sabiex jgħinu lil xulxin bl-aqwa prattiċi li għandhom b’din it-teknoloġija, f’każi ta’ diżastri naturali u pandemija.

Apparti d-disa’ rappreżentanti tal-Gvernijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, Roberto Viola.

Il-laqgħa ta’ dalgħodu kienet it-tielet waħda tal-MED9 f’pajjiżna. F’Mejju li għadda saret laqgħa oħra b’diskussjoni li ffokat dwar l-enerġija filwaqt li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm laqgħa oħra tal-istess grupp fejn iddiskutew l-Affarijiet Barranin.

Il-MED9 jilħaq il-qofol tiegħu l-Ġimgħa 29 ta’ Settembru li ġej hekk kif il-mexxejja tal-pajjiżi membri se jkunu qegħdin jiltaqgħu mal-Prim Ministru Malti Robert Abela fejn anke ssir diskussjoni dwar diversi temi.

Għat-tmiem tal-MED9 mistennija jattendu l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.

Sport