Monday, December 23, 2024

Ftehim ma’ 12-il Kunsill Lokali favur lokalitajiet aktar indaf u sbieħ

Aqra wkoll

Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se twessa’ l-operat tagħha f’għadd ta’ lokalitajiet permezz ta’ ftehim li kienu ffirmati llum ma’ tnax-il Kunsill Lokali għall-ħames snin li ġejjin. Permezz ta’ dan il-ftehim, id-Diviżjoni se twessa’ l-operat tagħha fil-lokalitajiet rispettivi b’aktar investiment fir-riżorsi umani u makkinarju biex jitnaddfu toroq residenzjali.  

Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield semma kif l-indafa weħidha mhix l-għan aħħari. “L-għan aħħari huwa aħna, in-nies, l-ambjent li ngħixu fih. Jiddependi minnha li nsebbħu u nżommu pajjiżna nadif għax meta nagħmlu hekk, nagħmlu hekk għalina l-Maltin stess u wkoll għal min iżurna,” spjega s-Segretarju Parlamentari Bedingfield. Huwa spjega kif l-ambjent huwa tan-nies u għalhekk irid li jaħdmu id f’id mal-komunitajiet biex il-pajjiż jieħu bixra isbaħ u aħjar. “Il-ftehim mal-Kunsilli Lokali qiegħed isir biex xogħol li jsir qalb ir-residenti ma tkunx okkażjoni biss ta’ darba iżda ssir parti mix-xogħol regolari li twettaq id-Diviżjoni,” kompla s-Segretarju Parlamentari Bedingfield.

Waqt din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li fiż-żmien li ġej, Malta se jkollha Att dwar l-Indafa Pubblika. Huwa saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-Att li l-għan tiegħu se jkun li jiddefinixxi aħjar x’tinvolvi l-indafa pubblika u jidentifika responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mal-Indafa Pubblika. “L-Att innifsu għandu jservi bħala mezz ta’ għarfien fuq il-ħtieġa li nibżgħu għal pajjiżna biex ma jkollux bixra ta’ traskuraġni filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ is-sens ċiviku tal-komunitajiet Maltin,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bedingfield.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, filwaqt li qalet li ż-żamma u l-indafa tal-lokalitajiet hija waħda mir-responsabiltajiet ewlenin tal-Kunsilli Lokali, stqarret li ż-żamma ta’ lokalitajiet nodfa hija wkoll sfida għall-Kunsilli Lokali. Madankollu, permezz ta’ dan l-isforz kollettiv, il-Kunsilli Lokali kommessi li joffru ambjent aħjar, aktar nadif u san għall-ġid tar-residenti. “Irridu naħdmu biex dan il-ftehim ikun wieħed ta’ suċċess f’dawn it-12-il lokalità b’risq ir-residenti rispettivi tagħhom u għal kull min iżur dawn il-lokalitajiet. Nappella wkoll sabiex kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu favur l-indafa, u hekk kif inżommu djarna nodfa għandna nżommu nadif ’il barra mir-residenza tagħna,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

“Din id-Diviżjoni wettqet investiment massiv li jqarreb it-€8 miljun, kemm f’tagħmir tal-aħħar teknoloġija u anki fl-aqwa riżorsa tagħna, il-ħaddiema nfushom,” sostna d-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara. “Dan l-investiment wassal sabiex din id-Diviżjoni tkun tista’ toffri servizz aqwa u li kapaċi jiġi adattat skond in-neċessitajiet uniċi ta’ kull lokalità,” temm jgħid Deguara. 

It-tnax-il Kunsill Lokali li ffirmaw dan il-ftehim huma dawk ta’ Bormla, Birkirkara, Birżebbuġa, l-Iklin, il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Marsaxlokk, L-Imtarfa, Santa Venera, Ta’ Xbiex u ż-Żurrieq.

Ekonomija

Sport