Qed jitħejjew emendi biex l-użu ta’ mobiles fil-ħabs isir reat kriminali

Aqra wkoll

Qed jitħejjew emendi fil-liġi biex l-użu u l-kuntrabandu ta’ mobiles fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jitqiesu bħala reat kriminali.

Qal dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, f’filmat li tella’ hu stess fuq il-midja soċjali l-Ħadd filgħodu, fid-dawl tal-investigazzjoni tal-Pulizija li bdiet is-Sibt, wara li tliet priġunieri nstabu fil-pussess ta’ mobiles fiċ-ċelel tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Ministru Bedingfield qal li ilu f’kuntatt mal-uffiċċju legali tal-Faċilità, hekk kif l-użu u d-dħul ta’ mobiles fil-ħabs jitqiesu bħala ksur tal-proċeduri tal-ħabs, iżda mhux bħala reat kriminali. “Dan għalija mhux aċċettabbli,” stqarr il-Ministru Bedingfield.

Hu innota li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippubblika dawn l-emendi.

Il-Ministru Bedingfield qal ukoll li għaddejjin diskussjonijiet biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-ħabs. F’dan il-kuntest, hemm qbil dwar it-twaqqif ta’ Professional Standards Unit fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Bedingfield qal li dawn huma proposti li, skontu, min għandu rieda tajba m’għandux għalfejn jopponihom.

Fil-midja lokali ġie rraporta li George Degiorgio, magħruf bħala “ċ-Ċiniż”, u Robert Agius, magħruf bħala “Tal-Maksar”, li qed jiskontaw sentenzi ta’ ħabs, qed jiġu investigati mill-Pulizija wara li nstabu mobiles fiċ-ċelel tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport