Tuesday, April 30, 2024

Futsal: Luxol St Andrews leaders assoluti

Aqra wkoll

Luxol St Andrews huma l-leaders assoluti tal-Enemed Futsal League hekk kif rebħu konfront dirett kontra Ta’ Xbiex. Min-naħa l-oħra, l-Universita’ ta’ Malta dabbru l-ewwel telfa staġjonali wara li sfaw megħluba minn Mellieħa b’Valletta japprofittaw u jitilgħu fit-tieni post tal-klassifika.

Fl-istess waqt Siġġiewi rreġistraw it-tielet rebħa staġjonali b’Qormi li sa fl-aħħar kellhom is-sodisfazzjon li jiċċelebraw l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Luxol għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal bl-iskor ta’ 8-4. Kienet logħba ferm interessanti bit-tim minn St Andrews li ħareġ aggressiv sa mill-bidu tant li stabilixxa vantaġġ ta’ sitt gowls sa tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni 20 minuta, Ta’ Xbiex żiedu ftit aktar id-doża tal-attakk tagħhom għalkemm ma kienx biżżejjed biex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Carl Azzopardi skorja ħames gowls filwaqt li Emil Raducu, Celino Alves u Melvin Borg ukoll sabu x-xibka għal Luxol. Ta’ Xbiex irritaljaw b’gowls ta’ Jason Gauci, Glenn Bonello, George Frendo u Stefi Cale.

Valletta FC telgħu fit-tieni post u kisbu l-ħames rebħa tagħhom matul dan l-istaġun hekk kif għelbu lil St George’s 8-1. It-tim mill-kapitali kien motivat li jieħu t-tliet punti l-aktar importanti f’dan il-konfront fejn kellhom lil Andre Ciancio u Michael Borg jiskorjaw doppjetta kull wieħed bi Zvezdan Vukovic, Dylan Pace, Luke Gatt u Adem Zouari li niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers. Charvon Gatt naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim mill-Kottonera.

Mellieħa Futsal irritornaw għar-rebħ bi stil hekk kif taw l-ewwel telfa lil Universita’ ta’ Malta. It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta rebħu 4-3 f’logħba ferm missielta sal-aħħar.

Ciprian Socaciu, Ervin Rigo, Sean Vella Seisun u Andrew Abela skorjaw il-gowls l-aktar importanti għall-Melliħin filwaqt li doppjetta ta’ Mohammed Elamari u gowl ieħor ta’ Essa Benatiya ma kinux biżżejjed sabiex l-Universitarji jieħdu minn tal-inqas punt.

Siġġiewi ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom hekk kif għelbu lil Żurrieq FC 7-1. Wallace Oliveira skorja tripletta filwaqt li Timothy Muscat u Jean Lopez sabu x-xibka darbtejn.

Qormi Futsal kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li f’konfront dirett fin-naħa t’isfel tal-klassifika kisbu rebħa ta’ 7-3 kontra Marsaskala. Il-Qriema riedu r-rebħa akkost ta’ kollox fejn kellhom lil Christian George Mallia u Vuk Rankovic bħala l-eroj tagħhom wara li skorjaw tripletta kull wieħed. Ayrton Duncan żied ieħor għat-tim tiegħu.

Marsaskala ippruvaw kemm felħu sabiex jibqgħu mal-avversarji għalkemm setgħu biss jiskorjaw tliet gowls permezz ta’ Ismael Tabone, Matthew Grima u Denim Pisani.


KLASSIFIKA:

Luxol 18, L-Universita’ ta’ Malta, Valletta 15, Ta’ Xbiex 12, Mellieħa, Siġġiewi 9, Naxxar Lions, St Georges, Qormi 3, Marsaskala, Żurrieq 1

Sport