Wednesday, April 22, 2026

Futsal: Rebħiet għall-Universitá u Luxol St Andrew’s

Aqra wkoll

Fil-kampjonat maskili tal-futsal kellna l-aħħar żewġ partiti mill-fażi regolari, kif ukoll partita deċiżiva sabiex jiġu determinati t-tielet u r-raba’ post tal-klassifika, pożizzjonijiet kruċjali biex jiffurmaw il-playoffs li eventwalment jiddeċiedu r-rebbieħ tal-kampjonat.

Fl-ewwel partita, University of Malta Futsal iddominaw kontra Żejtun, fejn kisbu rebħa kbira ta’ 23-1. B’dan ir-riżultat, l-Università temmet il-kampjonat regolari fit-tieni post u issa se tidħol fil-playoffs b’kunfidenza kbira. Fit-tieni partita, Luxol St Andrews Futsal għalqu l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa ta’ 6-1 kontra GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal. Din it-telfa għal Birżebbuġa fissret li kellhom jilagħbu partita deċiżiva kontra Marsaskala Futsal Legends biex jiġu stabbiliti l-aħħar pożizzjonijiet tal-klassifika.

Fil-konfront dirett bejn Marsaskala Futsal Legends u GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal, rajna partita mimlija emozzjoni fejn it-tim minn Marsaskala rnexxielu jirkupra minn żvantaġġ ta’ 3-1 fl-ewwel taqsima, idawwar ir-riżultat u jirbaħ 7-5. Din ir-rebħa kkonfermat lil Marsaskala fit-tielet post tal-klassifika.

B’dawn ir-riżultati issa kollox jinsab lest għas-semifinali tal-playoffs. Fil-ewwel semifinali, University of Malta Futsal se jaffaċċjaw lil Marsaskala Futsal Legends, b’leg 1 jintlagħab nhar il-Ġimgħa 24 ta’ April 2026 fis-18:30 fin-National Sports School, filwaqt li t-tieni leg isir nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju 2026 fid-19:15 fl-istess venue. Fit-tieni semifinali, Luxol St Andrews Futsal jiltaqgħu kontra GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal, bl-ewwel leg skedat għall-Ġimgħa 24 ta’ April 2026 fit-20:45 u t-tieni leg nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju 2026 fil-17:00, ukoll fin-National Sports School.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport