Monday, November 11, 2024

Gazprom taqta’ l-provvista tal-gass lejn il-Latvja

Aqra wkoll

Il-kumpanija ġganteska Russa Gazprom – li hija tal-istat – issospendiet il-provvista ta’ gass lejn il-Latvja. Dan hu l-aħħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea li qiegħed jesperjenza azzjoni bħal din fid-dawl tat-tensjoni li teżisti dwar il-kunflitt fl-Ukrajna. 

Gazprom qiegħda takkuża lil-Latvja li marret kontra l-kundizzjoni­jiet tax-xiri tal-gass, iżda ma tat l-ebda dettalji dwar liema kundizzjonijiet inkisru. Il-Latvja tiddependi totalment mir-Russja għall-importazzjoni ta’ gass naturali, iżda minkejja dan il-gvern tal-pajjiż qal li din l-azzjoni min-naħa ta’ Gazprom mhix se jkollha impatt maġġuri minħabba li ftit biss minnu jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Fid-dawl ta’ dan, l-istati li jifformaw l-Unjoni Ewropea komplew jakkużaw lir-Russja li qiegħda tuża l-esportazzjoni tal-gass bħala arma ta’ ritaljazzjoni kontra s-sanzjonijiet tal-Punent. 

It-tensjoni bejn ir-Russja u pajjiżi bħal-Latvja, l-Estonja u l-Litwanja – li kienu jifformaw parti mill-Unjoni Sovjetika – żdiedu hekk kif in-NATO saħħet l-forzi tagħha f’dawn il-pajjiżi hekk kif dawn jinsabu taħt it-theddida Russa. Dawn l-istati qegħdin jippjanaw li sas-sena li ġejja jkunu waqqfu għalkollox l-importazzjoni tal-gass mir-Russja. 

Nhar l-Erbgħa li għaddiet, Gazprom naqqset b’20% l-provvista ta’ gass lejn l-Ewropa permezz tal-pipeline Nord Stream u dan hekk kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tonqos milli taċċetta t-talba tar-Russja Gazprom titħallas bil-munita roubles u mhux bl-ewro. L-Unjoni Ewropea qiegħda targumenta li ma hemm l-ebda obbligu kuntrattwali biex isir ħlas b’dan il-mod. Minn Frar li għadda ’il hawn, Gazprom issospendiet l-provvista tal-gass lejn il-Bulgarija, il-Finlandja, il-Polonja, id-Danimarka u l-Olanda hekk kif dawn ma ħallsux bir-roubles. Ir-Russja waqqfet ukoll il-bejgħ lill-kumpanija Ġermaniża Shell Energy Europe. Fid-dawl ta’ dan l-UE qiegħda tfittex swieq oħrajn bħan-Norveġja, il-Qatar u l-Istati Uniti. 

Sport