Saturday, November 9, 2024

“ĠEM16+ it-tarġa li ħafna studenti jkollhom bżonn”-

- Karl Galea, Guidance Teacher fiċ-ċentru edukattiv, ĠEM16+, li f’din l-intervista se jgħinna nkunu nafu aktar dwar dan il-programm edukattiv

Aqra wkoll

Fiex jikkonsisti ĠEM16+?

ĠEM16+ huwa t-tarġa li ħafna studenti jkollhom bżonn wara s-sekondarja jew ta’ oħrajn biex iġibu l-O-levels tagħhom. Dan il-programm edukattiv offrut mill-Ministeru għall-Edukazzjoniu u li din is-sena dieħel fl-għaxar sena tiegħu, huwa opportunità tajba ħafna għal dawk li għandhom bżonn aktar żmien jew ċans ieħor biex jilħqu jew itejbu l-gradi tal-O-level tagħhom. Il-kors hu mifrux fuq sena akkademika bi stipendju. L-għalliema tagħna jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti u jitħejjuhom tajjeb għall-eżamijiet tal-O Level (SEC) f’suġġetti ewlenin.

X’jagħmel ĠEM16+ differenti minn korsijiet jew skejjel oħra?

ĠEM16+ joffri klassijiet żgħar għal kull suġġett. In-numru żgħir f’kull klassi jippermetti li l-istudenti jkollhom aktar appoġġ. L-attenzjoni individwali mill-għalliema u l-LSEs ta’ dan iċ-ċentru hi strumentali biex l-istudenti ta’ dan il-programm edukattiv jemmnu fihom infushom u jagħrfu aktar il-ħiliet tagħhom.

Min huma dawk li jistgħu jibbenefikaw minn ĠEM16+?

Jistgħu japplikaw studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja u għandhom ċertifikat ta’ tmiem mill-iskola sekondarja, li kienu qagħdu għall-eżamijiet tal-O-Level jew għar-resits tagħhom jew li għandhom bażi tajba tas-suġġetti mgħallma u jixtiequ jkomplu jirsistu fir-rotta akkademika. Għalhekk 16+… għax aħna apparti studenti li jkunu spiċċaw is-sekondarja jkollna oħrajn ta’ età akbar li jkunu jixtiequ jerġgħu jibdew l-istudju tagħhom biex jidħlu f’korsijiet partikolari.  

X’suġġetti toffru f’dan il-programmm edukatti?

Il-programm edukattiv tagħna jinkludi l-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, u wieħed mill-Fiżika, Bijoloġija, ICT-C3 jew il-King’s Trust Programme, dak li qabel kien magħruf bħala l-Prince’s Trust. Studenti barranin għandhom l-opportunità li jidħlu anke fi klassijiet tal-Malti bħala Lingwa Barranija. Il-programm kurrikulari jinkludi wkoll l-Edukazzjoni Fiżika u l-PSCD. Suġġetti oħrajn li jistgħu jkunu offruti jinkludu l-Letteratura Ingliża (jekk l-istudenti jkunu ġabu minn 1 sa 5 fis-SEC tal-Ingliż) u l-PE Option.

Tajjeb li ngħidu illi studenti li jkunu diġà ġabu suġġett minn dawn fl-eżami tas-SEC b’marka bejn 1 sa 5, ikunu eżentati milli jidħlu għal-lezzjonijiet. Minkejja dan, għandhom wkoll l-opportunità sabiex jekk iridu jidħlu għal-lezzjonijiet biex ikomplu itejbu l-marka tas-suġġetti li jkunu ġabu.

Għidtli li dan il-programmm edukattiv u mifrux fuq sena akkademika. Kif inhi l-istruttura tal-   programm edukattiv ĠEM16+?Fl-ewwel ġranet, il-programm jibda bi screening sabiex ikun hemm għarfien tal-ħtiġijiet ta’ kull student/a f’kull suġġett. B’dan il-mod, l-għalliema tagħna jkunu qed ifasslu strateġija riparattiva addatata għal kull klassi u anke individwali. L-enfasi ssir fuq dik il-ħila fejn hemm l-aktar ħtieġa. Tul il-programm, isir assessjar kontinwu bbażat fuq kisbiet stabbiliti sabiex jiġi assigurat il-progress meħtieġ. Dan kollu jseħħ b’metodi differenti skont kif tinħass il-ħtieġa minn kull dipartiment tas- suġġett. Xahar qabel l-eżamijiet tas-SEC, isir l-eżami summattiv annwali f’kull suġġett. Bħala parti mill-aħħar preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC, l-istudenti jkollhom ukoll l-opportunità li flimkien mal- għalliema tas-suġġetti, janalizzaw l-eżami annwali tagħhom biex jiġu aktar konxji minn ħtiġijiet partikolari li jgħinuhom fl-eżamijiet tas-SEC.

X’benefiċji oħra hemm meta wieħed jagħmel sena studju f’ĠEM16+?   

Il-programm edukattiv ĠEM16+ hu akkreditat b’kwalifika fuq livell 3 jew 2 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Din il-kwalifika tinkorpora s-suġġetti kollha li hemm fil-programm edukattiv. Għaldaqstant bi tkomplija sħiħa tal-programm, l-istudenti jistgħu jilħqu Awards fuq livell 3 jew 2 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki permezz ta’ stand alone modules fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika, fil-Fiżika, fil-Bijoloġija u C3 bħala parti miċ-ċertifikat akkreditat ta’ ĠEM16+. Mela barra l-opportunità li jġibu jew itejbu l-livell tal-O-level tagħhom, minn ĠEM16+ l-istudenti jilħqu wkoll ċertifikat akkreditat, li hu rikonoxxut f’għadd ta’ istituzzjonijiet post-sekondarji biex ikomplu f’korsijiet akkademiċi oħra, fosthom fl-MCAST u fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School.

U dan iċ-ċertifikat kif jinkiseb?

Iċ-ċertifikat aħħari ta’ ĠEM16+ mhuwiex imsejjes mhux biss fuq l-eżami annwali, iżda wkoll fuq l-Assessjar Kontinwu u l-Executive Functioning Skills (ġabra ta’ ħiliet li l-istudenti juru fil-klassi u fix-xogħol tas-suġġetti tagħhom bħall-attitudni, l-inizjattiva, il-komunikazzjoni u l-organizzazzjoni) ta’ matul il-programmm edukattiv. Dan jagħti aktar opportunità lill-istudenti biex juru l-ħiliet tagħhom, b’mezzi differenti tul is-sena akkademika f’ĠEM16+.

Apparti l-aspett akkademiku, il-programm joffri sapport pastorali?

F’ĠEM 16+ barra tim akkademiku professjonali li jinkludi għalliema u LSEs f’kull suġġett, l-istudenti se jsibu wkoll tim pastorali b’għalliema tal-guidance, counsellor u career advisor. Dawn jgħinu b’mod professjonali lil kull student jimxi ’l quddiem permezz ta’ attenzjoni mill-qrib b’rabta mal-benesseri u l-ħtiġijiet kollha. F’ĠEM16+ kull student  huwa parti minn komunità edukattiva u mhux numru!  

Karl, kif wieħed jista’ japplika f’ĠEM16+?

L-applikazzjonijiet isiru permezz ta’ formoli li jistgħu jinġabru kemm miċ-Ċentru fil-Gżira jew mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Furjana. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jidħol ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook, ĠEM16+. Kif għidtlek diġa, għalina importanti li nsiru nafu lil kull student ħolistikament. Għaldaqstant nirrakkomanda appuntament personali billi jċemplu fuq 25983850 jew 77216677 sabiex it-tim tagħna jgħin lill-istudenti kollha jibbenifkaw bl-aħjar mod possibbli minn din l-opportunità li  qed joffri ĠEM16+.

Sport