Friday, April 19, 2024

Ġenituri bil-kustodja tat-tfal f’“martirju”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għandi l-kustodja u hemm digriet tal-Qorti biex lit-tifel ma jeħdux fejn is-sieħba ġdida li għandu minħabba problemi marbutin ma’ vizzji. Dan jinkiser regolarment u minkejja li tkellimt mal-Pulizija jgħiduli li ma jistgħu jagħmlu xejn għax huma jidħlu biss fejn jirigwarda manteniment u aċċess. Min qed ibati minħabba dan? It-tifel u jien miegħu”. 

Omm oħra tgħidilna li “r-raġel hu marbut b’digriet li meta t-tifel ikun għandu jrid itih attenzjoni massima. Jispiċċa joħroġ mal-ħbieb, jixorbu ‘l hawn u ‘l hemm u t-tifel miegħu. Nirrapporta imma jgħiduli li f’każi hemm ma jidħlux”.

Ma’ dawn mbagħad hemm każijiet fejn ġenitur li għandu l-kustodja jekk b’xi mod jonqos milli it-tfal jgħaddu fil-ħin stipulat mill-Qorti għand il-ġenitur l-ieħor li għandu aċċess jistgħu jittieħdu passi kriminalment kontrieh, waqt li jekk min għandu aċċess għat-tfal imma mhux il-kustodja, jekk ma jirritornahomx fil-ħin jew addirittura jabbuża u jżommhom għandu, il-Pulizija qed jgħidu li ma jistgħux jieħdu passi, minkejja li min ikollu l-kustodja qed jingħata raġun mill-istess Pulizija.   Minn stħarriġ li għamlet talk.mt fejn fl-aħħar jiem tkellimna ma’ diversi ġenituri li għandhom kustodja u għaddejjin bi problemi simili, jidher li l-każijiet fejn il-ħinijiet tal-aċċess ma jinżammux qed jiżdiedu u dan għax dawk li jkollhom aċċess u mhux il-kustodja jafu li jekk ma jirritornawx it-tfal għand min ikollu l-kustodja m’hemmx passi kriminali kontrihom.

Waħda mill-problemai li qed tifni lil ħafna ġenituri li għandhom il-kustodja hi dik li uliedhom ma jiġux ritornati fil-ħin. Tkellmu magħna ġenituri fejn uliedhom ġew ritornati ġurnata jew aktar wara li suppost kellhom ikunu ritornati għand il-ġenitur li għandu l-kustodja. 

Omm li tkellmet magħna qaltilna li “l-kustodja qiegħda għandi. Jien nemmen li t-tifel għandu bżonn kemm lil ommu u kemm lil missieru, allavolja qed ngħixu ħajja separata minn xulxin.  Qiegħda f’sitwazzjoni li iħossha inġusta għall-aħħar. Jien dejjem rajt li jmur għand missieru fil-ħin stipulat. Konxja li jekk ma nagħmilx dan jien skont il-liġi jistgħu jittieħdu passi kriminalment kontriha. Ma nara xejn ħażin fuq hekk.  Filfatt meta nkun ma niflaħx u ma nkunx nista’ nieħdu, jkolli nagħmel ċertifikat mingħand it-tabib.  Biss imbagħad, in-naħa l-oħra mhix marbuta bħali li għandi l-kustodja. Ir-raġel għandu l-aċċess iżda dan meta jfettillu ma jirritornahx fil-ħin u jġibu l-għada jew x’ħin ifettillu. Għal min għandu aċċess biss u mhux kustodja, jekk ma jsegwix mal-ħinijiet, m’hemmx stipulati passi kriminali. Nemmen li din hi inġustizzja li għandha tiġi rranġata billi l-liġi tinbidel. Jekk min ikollu l-kustodja għandu jinżamm kriminalment responsabbli jekk it-tfal ma jeħodhomx għand il-parti l-oħra, l-istess għandu jiġi għan-naħa l-oħra jekk dawn ma jsegwux. Tmur l-għassa u jgħidulek li ma jistgħu jagħmlu xejn”.

Tgħidilna li “nispiċċa ngħaddi minn martirju. Tistenna u tara li ma jġibhomx. Iċċempillu u ma jwiġbekx.  iċċempel l-għassa u jippruvaw jgħinuk imma jgħidulek li ma jistgħu jagħmlu xejn f’każijiet oħra. Għidli x’jibqa’ fik? Nispiċċa f’tensjoni u ansjetà kbira”.

Talk.mt tkellmet mal-Avukat Andy Ellul, li hu ukoll konsulent mal-Minsiteru tal-Familja. Meta mistoqsi dwar din is-sitwazzjoni inġusta qalilna li “naqbel perfettament li għandha tiġi emendata l-liġi f’dan ir-rigward. Ngħid li għandha tiġi emendata kemm dik ċivili u kemm dik kriminali. Qed ngħid dik ċivili wkoll għax minkejja li hemm rimedju d-dewmien fil-qrati jista’ jkun ta’ detriment qawwi. Naqbel ukoll ukoll li iva din is-sitwazzjoni qed toħloq tbatija inutli kemm lit-tfal u anke lill-ġenituri.”  Hu qalilna li dawk li jkollhom l-aċċess u mhux il-kustodja, u ma jirritornawx it-tfal fil-ħin, anke dawn għandhom jinżammu responsabbli kriminalment.

1 kumment

  1. Il ligi trid tinbidel u timxi fair ma z zewg nahat. Hemm min jabbuza mil poter tieghu u juzah bhala rikatt u abbuz ghax jaf li il ligi ma tista taghmilu xejn. Dan l abbuz iddum snien u il problema lohra hi li jekk taghmel rikors jiswielek hafna apparti iddewmien u hela ta’hin u zmien.Tmien snien huwa wisq u hemm il kas li johloq hafna anzjeta’ u frustrazzjoni anki ghat tfal.Qatt ma tista tippjana xejn lanqas vakanza jew safar ghax trid taghmel rikors il qorti. Dawn it tfal ihossu li ma jghejxux hajja normali bhal tfal ta’familja mhux separata. Ma nafx ghala qatt ma gew indirizzati fil ligi Maltija dawn l affarijiet tant importanti ghal cittadini futuri.

Comments are closed.

Sport