Għaddiet kważi ġimgħa u nofs mill-kampanja elettorali. Jiem li fihom smajna għadd ta’ proposti. Kellna diversi argumenti u kontroversji, kif mistenni. Minn dak imħabbar minn naħa Laburista jidher li hemm enfasi qawwija fuq il-familja u fuq li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin.
Qegħdin ngħixu fi żmien fejn il-ħajja hi mgħaġġla. Kultant aħna stess inkomplu nagħmluha mgħaġġla. Dan ovvjament joħloq stress. Joħloq ansjetà u dawn magħhom iġibu u joħolqu problemi ġodda. Kemm nisimgħu f’ommijiet u missirijiet li jitkellmu fuq li bil-kemm jaraw lil uliedhom jew minħabba impenji jgħidulek ‘il-ħin kollu għaddejjin, waqfien ta’ xejn’. Dan ovvjament joħloq l-argument dwar il-kwalità tal-ħajja.
Minn l-ewwel proposti mħabbrin mill-Partit Laburista deher biċ-ċar li l-istess partit qiegħed ifhem li l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu daż-żmien tagħmilha iktar iebsa biex wieħed ilaħħaq mal-ħtiġijiet tal-familja. Minħabba dan, l-istess partit qiegħed iwiegħed li jekk il-poplu jerġa’ jtih il-fiduċja, hu se jkun qiegħed iżid l-għajnuna mogħtija sabiex itaffi ix-xkiel li jiltaqgħu miegħu il-familji. Tħabbru proposti li li għandhom x’jaqsmu mat-trobbija tal-familja. Proposti li joffru kontinwità fuq il-ħidma imwettqa mill-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin. Proposti li għandhom jgħinu biex il-familja itejbu l-kwalità tal-ħajja.
Wieħed irid jgħid li sa minn l-ewwel passi li koppja tagħmel biex tibda tibni l-futur tagħha, hemm ċertu. piż. Dan b’mod partikolari qegħdin nitkellmu fuq il-pjani biex il-koppja tixtri id-dar tagħha. Matul is-snin il-Partit Laburista għaraf dan u nieda għadd ta’ miżuri biex itaffi dan il-piż. Kienu miżuri li għenu ħafna. Iż-żmien jinbidel u għalhekk ikun jinħass il-bżonn li jiddħaħlu miżuri oħra u hekk ġara.
F’din il-kampanja elettorali qegħdin naraw li l-miżuri fejn tidħol l-akkomodazzjoni se jkomplu jissaħħu. Tħabbar li s-self mingħajr interessi se jiżdied għal 25 fil-mija fuq l-ewwel dar filwaqt li l-eżenzjoni tat-taxxa tal-boll se tiżdied għal €300,000. Barra minn hekk, se tissaħħaħ l-iskema fejn koppji li ma jkunux f’qagħda li jfaddlu l-flus meħtieġa għad-depożitu ta’ 10 fil-mija mitlub mill-banek jkunu jistgħu jixtru darhom xorta waħda. Proposta interessanti hi dik dwar il-fatt li l-ewwel dar f’xi każi ma tkunx imdaqqsa biżżejjed sabiex jilqgħu fosthom il-familja li jkollhom f’moħħhom. Għalhekk, Gvern Laburista ġdid se jkun qed idaħħal għajnuna għal dawk il-familji li jeħtieġu jixtru t-tieni dar tagħhom.
M’hemmx dubju li proposta li se tgħin lil dawk il-koppji li jkunu għadhom kif kellhom tarbija, hi dik tal-għotja ta’ €5,000 għal kull tarbija. Il-ħin mat-tarbija hu kruċjali, kemm għaliha u kemp għall-ġenituri tagħha. Il-problema ta’ nuqqas ta’ ħin u pressjoni hi xi ħaġa li l-familja llum iħossuha ħafna. Għalhekk hi proposta mill-aktar pożittiva dik li l-btajjel imħallsin se jiżdiedu bi tmien ġimgħat għall-ommijiet u jirdoppjaw għall-missirijiet. Biż-żidiet maħsuba, l-ommijiet ġodda se jibdew igawdu minn 26 ġimgħa ta’ btajjel imħallsa, fost l-aħjar ta’ din ix-xorta madwar l-Ewropa.
Dawn huma proposti li se jkunu qegħdin jgħinu bil-kbir lill-familji u koppji żgħażagħ. Sfidi se jibqa’ jkun hemm. Fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha llum, fejn kollox jinbidel f’kemm trodd salib, sfidi għall-familji u koppji. Għalhekk hekk hu tajjeb li wieħed jibqa’ jsegwi s-sitwazzjoni tal-familji Maltin biex jilqa’ u jitratta l-isfidi li se jibqgħu ifiġġu.


