Wara każ fil-qorti li dam ġimgħat, Tanner Horner, li kien ix-xufier tal-kunsinna, ingħata sentenza tal-mewt minn imħallef, hekk kif ammetta l-ħtija għall-qtil ta’ tifla ta’ seba’ snin, Athena Strand, fl-2022. Il-każ fil-qorti inkluda reġistrazzjoni awdjo tal-aħħar mumenti tat-tifla żgħira ġewwa l-vettura ta’ Horner.
“M’hemm l-ebda kliem li jaqbad verament id-devastazzjoni li Tanner Horner jikkawżalna u lill-familja tagħna”, jgħid iz-ziju ta’ Athena Strand.
Horner kien qed iwassal ir-rigal tal-Milied ta’ Athen Strand, kaxxa tal-Barbies, meta ħebaha. Aktar tard instabet mejta mhux ‘il bogħod mill-proprjetà tal-familja.
Ix-xahar li għadda, Horner ammetta l-ħtija għal qtil kapitali u ħtif aggravat hekk kif beda l-ġuri tiegħu.
Il-ġurati li semgħu l-każ kellhom l-għażla li jikkundannawh għall-mewt jew għal għomru l-ħabs mingħajr il-possibbiltà ta’ parole. Fl-aħħar mill-aħħar għażlu sentenza tal-mewt.
Filmat tal-proċedimenti fil-qorti wera lil Horner ma kellux reazzjoni hekk kif l-imħallef qara x’kien se jiġrilu.
Id-data tal-eżekuzzjoni tiegħu għadha ma ġietx determinata, iżda, hu ser jingħata l-injezzjoni letali.
Il-familja fetħet każ kontra Horner, FedEx u Big TopSpin Inc, fejn kien allegat li l-kumpaniji naqsu milli jwettqu verifika tal-kondotta ta’ Horner qabel ma impjegawh.


