Qatt kontu tafu li daqs 200 sena ilu, f’Lampedusa kienu jgħixu biss il-Maltin?
- Kontu tafu li l-Gran Mastru De Valette, dak li aħna drajna nqisuh bħala l-eroj tal-Assedju, kien għallaq lit-tabib Malti Ġużeppi Callus, għax dan kien qabeż għad-drittijiet tal-Maltin?
- Kontu tafu li fl-1862, il-Papa Piju IX, għal ftit ma kienx ġej jfittex kenn f’Malta?
- U qatt smajtu bil-baqra li qatlet tifel; li fil-Mellieħa hemm razzett stramb li jgħidu bnieh ix-xitan; u li fil-kliem Sqalli ta’ Pantallerija hemm ħafna jixbah lill-Malti?
Jien ma nafx jekk intom kontux tafu xi ħaġa minn dan kollu, iżda jiena ma kont naf xejn.
Kont mingħalija li naf l-istorja ta’ Malta … għax din kienet minn dejjem suġġett mill-aktar għal qalbi. Iżda jiena kont naf biss dak li għaddiet minnu gżiritna tul l-assedji, il-gwerer u d-diversi imperi li ħakmuha. Kont naf aktar l-istorja tal-ħakkiema milli tal-poplu. U naħseb ma tagħtunix wisq tort, għax il-kotba tal-iskola kważi dan biss għallmuna. Urewna lil Malta min-nuċċali tal-barrani. Mhux ta’ b’xejn li l-kittieb Amerian Ambrose Biercekien qal:
“History is an account mostly false, of events mostly unimportant, which are brought about by rulers mostly knaves and soldiers mostly fools!”
Iżda Evarist Bartolo rnexxielu jaqta’ din il-katina u jippreżentalna lil Malta kif tasssew hi … l-istorja ta’ poplu li dejjem tħabat kontra kollox u kontra kulħadd. Evarist ma jintilifx iperreċ il-bandiera Maltija u jipprova jikkonvinċina kemm aħna kbar, li ġibna fix-xejn l-Imperu Ottoman u li waddabna l-Franċiżi kollha mill-gallerija għal isfel, imma jurina l-poplu jigref wiċċ il-ħamrija xotta biex jara kif ikabbar ġidra, iterreaq mili sħaħ għal qatra ilma, ibati l-ġuħ u l-mard … u qatt ma jaqta’ qalbu.
Imma mhux dan biss. Huwa jagħtina wkoll tagħrif li jmur lil hinn mill-istorja fis-sens dejjaq tagħha. Ikellimna dwar l-importanza tal-bajtar tax-xewk, it-tin, il-ħarrub u l-kappar, il-ġbir tal-melħ, ix-xita tal-ħamrija, il-kafè fil-ħwienet tal-Belt, il-ħnieżer fit-triqat. U ma’ dawn joffrilna wkoll għadd kbir ta’ aneddoti dwar il-muniti tad-deheb li nstabu l-Imdina, il-Maltin jemigraw lejn Ċipru, il-wasla tal-patata f’Malta, il-Maltin jgħixu fl-għerien … minjiera sħiħa ta’ tagħrif … li l-istess bħall muniti tad-deheb li semmejna, kien mirdum u minsi għal sekli sħaħ.
Iżda fuq kollox, dan kollu jagħthulna b’mod li jiftiehem minn kulħadd. Jiddispjeċini ngħid li għandna wisq kotba dwar l-istorja ta’ Malta miktubin bi stil akkademiku, li donnhom aktar huma mmirati lejn l-istudjuż milli lejn il-poplu. Bla dubju, dawn huma kotba validissimi, frott ta’ snin twal ta’ riċerka u dawn għandhom posthom ukoll. Anzi huma l-pedament li fuqhom jinbnew kotba oħrajn. Iżda ma rridux nieqfu hemm.
Jiena nidħol f’ħafna skejjel u kontinwament nitkellem mat-tfal u l-għalliema. Tassew jiddispjeċini meta nosserva x’nuqqas kbir għandhom it-tfal tal-istorja ta’ Malta. Bħal issa fuq l-istazzjon nazzjonali Malti għaddej programm ta’ kwiżż li jismu Moħħok Hemm. Qed jippreżentaw verżjoni għall-kbar u verżjoni għat-tfal. Jekk xi wħud minnkom ġieli rawh, żgur li osservajtu li kull meta lit-tfal jistaqsuhom xi ħaġa dwar l-istorja ta’ Malta, jibqgħu b’ħaqlhom magħluq. U jkolli ngħid li mhux it-tfal biss, imma anki l-adulti.
Ir-raġuni għal dan hija kumplessa ħafna, iżda jiena naħseb li waħda mir-raġunijiet hija proprju dik li l-istorja ta’ Malta dejjem ġiet ippreżentata bħala sensiela ta’ dati u footnotes li jġegħluk tisħet il-mument li ġejt Malti.
Dan il-ktieb KWADRI MILL-ISTORJA ma fihx footnotes. Ma fihx referenzi. Fih biss sensiela ta’ stejjer umani. Snapshots. Kwadretti. Kemm għadna bżonn li t-tfal, anzi l-poplu kollu, jibda jitressaq lejn l-istorja ta’ pajjiżna b’dan il-mod. Għandna pajjiż bi storja mill-aktar ikkulurita … storja li xi drabi toqrob lejn il-fairytale, lejn novella fantastika, storja li taf tkun tabilħaqq rakkont mill-aktar interessanti u divertenti. B’dal-ktieb, Evarist qed jurina t-triq.
Ejjew ma nħalluhx ikun vuċi tgħajjat fid-derżert.


