Monday, November 4, 2024

Għajnuna minn professjonisti mħarrġa għal koppji b’wild ġdid

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva fetaħ l-applikazzjonijiet għall-pubbliku, għall-proġett ‘Parents as Partners’, programm speċjalizzat dwar it-trobbija tat-tfal fi stadju bikri. 

Dan huwa programm innovattiv, li diġà beda jitħaddem f’Malta, fejn koppji li jħossu bżonn t’għajnuna, jingħataw programm mifrux fuq 16-il ġimgħa, minn professjonisti imħarrġa fis-suġġett.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.

Ġie spjegat illi inħass is-sentiment t’aktar sapport u għajnuna lill-koppji li jkollhom wild, waqt il-perjodu ta’ żmien illi ngħata dan il-proġett pilota. Dan speċjalment f’każijiet fejn diġà jkun hemm diffikultajiet minħabba li tarbija ġdida iġib ħafna stress u dan jaf jimpatta fuq ir-relazzjoni tal-koppja.  

Għaldaqstant din l-għajnuna professjonali se tkun qed tħeġġeġ aktar koppji jirrikorru għal dawn is-servizzi bla ħlas, u li jgħinu ħafna lir-relazzjoni intima tal-koppja, kif ukoll l-iżvilupp bikri tat-tarbija.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li jekk it-tensjoni bejn il-koppja tikber minħabba il-bidliet kbar fir-rutina li ġġib magħha t-twelid ta’ tarbija, dan jaf iħalli effetti kbar fuq it-tfal f’każ li ma jkunx hemm trobbija sana u pożittiva. 

Qal li għalhekk permezz ta’ dan il-Kumitat, se jkunu qegħdin jissaħħu r-riżorsi, u anke permezz ta’ professjonisti, jingħataw anke pariri u l-assistenza meħtieġa. “L-ebda trobbija mhi perfetta, iżda jkun tajjeb li nifhmu l-bażiku u l-idea sabiex it-tfal jitrabbew f’ambjent sigur.”

Parents as Partners qed isir bil-kollaborazzjoni ma’ Perinatal Mental Health Care u s-sehem ta’ professjonisti bħal qwiebel, psikjatri u psikologi fost oħrajn. 

Iċ-chairperson tal-Kumitat Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja Ruth Sciberras spjegat kif permezz ta’ dan il-proġett pilota, se tkompli tissaħħaħ l-ħidma fil-komunità. Qalet li dan il-programm kien imnebbaħ minn inizzjativi li ttieħdu fix-xhur li għaddew, illi kollha jorbtu ma’ trobbija pożittiva, ambjent sigur u li jippromovi relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied.

Sciberras żiedet tinnota li qed ikun hemm aktar missirijiet li jersqu għall-għajnuna, li fi kliemha hi xi ħaġa ta’ inkoraġġiment.

Tkellmet ukoll dwar il-kunċett ta’ ‘shared parenting’, u x’qiegħed issir sabiex jingħata aktar taħriġ  lil professjonisti li jaħdmu mill-qrib ma’ koppji illi jkollhom kwistjonijiet dwar il-kura u l-kustodja tat-tfal wara separazzjoni.  

‘‘Minn mindu nedejna dan it-taħriġ fi 31 ta’ Jannar saru diġa’ 9 sezzjonijiet u attendew 103 professjonisti. L-akbar tħassib kien dwar il-mezzi t’appoġġ li jista’ jingħata, speċjalment dak t’għajnuna psikosoċjali filwaqt li kienu diskussi temi marbuta ma’ parental alienation, minn xi wieħed mill-ġenituri’’, stqarret Sciberras.

Positive Parenting Malta se jkomplu jagħtu dan it-taħriġ sa l-aħħar tas-sena, u l-pubbliku jista’ jaċċesa il-paġna ta’ Facebook ta’ Positive Parenting Malta, fejn jkun hemm l-informazzjoni kollha kif ukoll applikazzjonijiet ta’ diversi servizzi soċjali.  

Sport