– traduzzjoni tal-intervista ta’ Ugur Karsli mal-Prof. Peter Mayo
Il-Prof. Dr. Peter Mayo, li pparteċipa bħala mistieden fis-Sitt Kungress tal-Edukazzjoni Demokratika organizzat minn Eğitim Sen (il-UnjIn ProgressivA tal-Edukazzjoni fit-Turkija) f’Ankara x-xahar li għadda, enfasizza li “għandna bżonn kuxjenza kritika aktar minn qatt qabel,” u kkonkluda r-rimarki tiegħu billi qal: “filwaqt li timxi tattikament ġewwa s-sistema, taghmel dan billi taħseb strateġikament barra mill-istess sistema. B’dan il-mod naħsbu f’dinja differenti biex bil-mod il-mod, bejn ġenerazzjoni u oħra, nistgħu nikkontribwixxu b’mod kollettiv lejn il-ħolqien tagħha”.
Mayo, soċjologu tal-kultura w l-edukazzjoni li ħafna mill-kotba tiegħu ppubblikati internazzjonalment, wieġeb dawn il-mistoqsijiet għall-gazzetta Torka Bir Gun fuq suġġetti li jvarjaw mill-filosofija tal-edukazzjoni sal-politika.
Hekk kif ikkonkludejt id-diskors tiegħek fil-Kungress tal-Edukazzjoni Demokratika, li nżamm f’Ankara f’Awwissu, int irreferejt għall-metafora “is-serp taħt il-fjuri innoċenti” mill-Macbeth ta’ Shakespeare. Matul parti kbira mid-diskors tiegħek, int enfasizzajt l-importanza li l-bidla mill-kunċett tal-UNESCO ta’ “Edukazzjoni Tul il-Ħajja” (Lifelong Education) għall-kunċett tal-UE ta’ “Tagħlim Tul il-Ħajja” (Lifelong Learning) ma kinitx innoċenti xejn. Nixtiequ li telabora ftit fuq is-“sriep” li jinsabu taħt din il-bidla kunċettwali.
— Iva, id-diskors huwa qarrieqi anki jekk jidher li ma jagħmilx ħsara peress li jistrieħ fuq il-kunċett l-antik imbuttat mill-UNESCO, dak tal-Edukazzjoni Tul il-Ħajja. Għandu din l-“innoċenza” madwaru iżda huwa insidjuż ħafna. Jinstema’ bħall-kunċett ta’ qabel iżda fil-verità hu tant differenti. Il-kunċett l-antik kien jissottolinja l-edukazzjoni fl-usa’ forom tagħha… il-bini ta’ skejjel, universitajiet, postijiet komunitarji, u l-użu ta’ spazji differenti għall-edukazzjoni fl-ghamliet aktar usa’ tagħha, speċjalment l-edukazzjoni popolari mhux formali. Kien jenfasizza l-komunitajiet, il-kollettiv, edukazzjoni f’għaqdiet, każini, ċentri w movimenti soċjali … soċjetajiet imsejsa fuq it-tagħlim ( learning societies, bl-Ingliż). II-diskors l-aktar reċenti li daħal kullimkien huwa insidjuż peress li huwa individwalistiku, orjentat lejn l-‘impjegabbiltà’ (li mhux neċessarjament tfisser impjieg) u li nies jinvestu fit-tagħlim tagħhom irrispettivament mill-mezzi li għandhom. Huwa diskors kollu dwar ir-responsabbiltà individwali u mhux dik kollettiva u soċjali. “Responsabbilizzazzjoni” (Responsabilisation, kif jissejjaħ bl-Ingliż) huwa t-terminu soċjoloġiku kritiku użat biex jikxef dan. Huwa kollu dwar l-għażla u l-konsum fil-‘ġungla tas-suq’. Jekk tfalli, huwa tort tiegħek. Dan iqiegħed inqas piż fuq stat soċjali u aktar fuq l-individwu. Id-diskors l-antik li jidwi b’mod qarrieqi filwaqt li poġġa l-enfasi fuq l-edukazzjoni anke meta kien jitkellem dwar ‘soċjetà tat-tagħlim’, dan ta’ illum jenfassizza individwi ifittxu l-interessi tagħhom. Qabel l-edukazzjoni kienet tfisser xi ħaġa li taħdem għaliha għall-ġid tas-soċjetà inġenerali. Id-diskors l-aktar reċenti jirrappreżenta bidla fl-interpretazzjoni… Nista’ nitgħallem kollox, eż nkun kap tà organizzazzjoni-kriminali, li niskarta l-liġi b’mod makakk… jew li nkun għalliem tajjeb, eċċ… kwalunkwe ħaġa, ‘tajba’ jew ‘ħażina’. Aktar minn hekk, fil-qalba tat-‘Tagħlim Tul il-Ħajja’ tinsab l-ideoloġija Neoliberali ( kollox mħolli f’idejn is-Suq). Titgħallem biex tiddependi fuqek innifsek u b’hekk ma tfallix. Jekk tfalli, bħala riżultat tal-pożizzjoni soċjali tiegħek f’dinja strutturalment diskriminatorja, m’hemm l-ebda rimedju għalik. Għalhekk, dan il-ħsieb jimxi id f’id ma’ l-idea taż-żarmar tal-Istat Soċjali jew tal-‘Welfare’ (sigurtà soċjali). Għalhekk, kollox jiddependi mis-suq milli minn politika soċjali tal-istat. Dan ifakkarni fl-insistenza ta’ Margaret Thatcher li m’hemm ebda Soċjetà “… no such thing as society”). Dan jimplika li hemm biss individwi li jaġixxu skont l-interess personali tagħhom. Din hi dinja Darwinjana: Min hu b’saħħtu jimxi u jistgħana, min m’għandux il-meżżi biex jaqdef jibqa’ l-art. Huwa għalhekk li d-diskors tat-tagħlim tul il-ħajja jista’ ikun tant insidjuż; is-serp jistaħba wara jew taħt il-fjura innoċenti, biex nissellfu l-metafora ta’ Shakespeare li toħroġ minn fomm Lady Macbeth.
—
Nafu li, apparti miż-żewġ okkażjonijiet meta l-Istati Uniti rtiraw mill-UNESCO – li t-tnejn seħħew matul l-amministrazzjoni Trump – l-Istati Uniti rtiraw ukoll fl-1984. Mid-diskors tiegħek f’Ankara, nifhmu li matul l-era tad-dinja bipolari, kien hemm taqbida, fi ħdan UNESCO, għall-poter u kontroll. Bħala akkademiku li twettaq ukoll riċerka fil-qafas tal-UNESCO, tista’ tgħidilna ftit dwar dan?
— Għandi bżonn nenfasizza li għalkemm ktibt ħafna dwar l-Edukazzjoni/Tagħlim Tul il-Ħajja, influwenzat fil-bidu f’dan il-qasam mill-eks lekċerer tiegħi fil-livell undergraduate, ħabib u kollega, il-Professur Kenneth Wain, jien ma nwettaqx riċerka fil-qafas tal-UNESCO. Iva, ippubblikajt tliet darbiet fir-rivista tagħha International Review of Education, anki nservi fuq il-Bord Konsultattiv Editorjali ta’ din l-istess rivista, attendejt żewġ konferenzi UNESCO b’kollox, iżda l-konnessjoni tiegħi ma’ din l-istituzzjoni tieqaf hawn. Huwa aktar preċiż li ngħid li l-kritika tiegħi tad-dokumenti tal-politika dwar id-diskors l-aktar reċenti tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, tiffoka aktar fuq l-Unjoni Ewropea milli fuq l-UNESCO. Dan jipprovdi l-qafas tal-kritika frekwenti tiegħi. Biex niġi għall-mistoqsija tiegħek, il-perjodu preċedenti tal-1984 ikkoinċida ma’ żmien meta UNESCO kien jagħti premju prestiġjuż għal-litteriżmu – il-premju Nadezdha Krupskaya Lenin. Krupskaya Lenin kienet involuta ħafna fil-koordinazzjoni tal-kampanja tal-litteriżmu tal-massa fir-Russja; kienet deputat Kummissarju tal-Edukazzjoni bejn l-1929 u l-1939 waqt li żewġha Vladmir Illich Lenin kien qed imexxi l-pajjiz. Dan kien meqjus bħala l-aqwa Premju tal-UNESCO għal-litteriżmu. Naturalment, kien premju sostnut mill-Unjoni Sovjetika. Intrebaħ minn pajjiżi u reġjuni li għamlu passi kbar fil-litteriżmu, inkluż, fil-każ tan-Nikaragwa, il-Cruzada de Alfabeticación wara r-Rivoluzzjoni Sandinista tal-1979. Reġjuni u organizzazzjonijiet fit-Tanzanija, fiċ-Ċina u Kuba kif ukoll kampanji nazzjonali tal-massa tal-litteriżmu f’pajjiżi bħall-Vjetnam u l-Angola rebħu l-premju. Ladarba l-USSR intemmet, dan il-premju ma baqax jingħata. Barra minn hekk, kien hemm orjentazzjoni Xellugija f’xogħol u ideat madwar il-kunċett ‘Edukazzjoni Tul il-Ħajja’ ta’ dak il-perijodu. Iżda dan il-moviment beda jbatti madwar iż-żmien tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin.




