Don Benigno Zerafa: il-mużika tiegħu terġa’ tinstema’
Din is-sena, Malta qed tfakkar it-300 anniversarju mit-twelid ta’ Don Benigno Zerafa (1726–1804), wieħed mill-aktar kompożituri u Maestri di Cappella prominenti ta’ Malta tas-seklu tmintax. Tliet sekli wara twelidu, l-Arkivju tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina qed jerġa’ jressaq quddiem il-pubbliku l-wirt mużikali tiegħu, permezz ta’ wirja, seminar u pubblikazzjoni, kif ukoll kunċert li jagħtu ħajja ġdida lill-manuskritti mużikali tiegħu.

Għal għexieren ta’ snin, Zerafa kien fil-qalba tal-ħajja mużikali tal-Katidral tal-Imdina, fejn bħala Maestro di Cappella mexxa l-mużika fiċ-ċelebrazzjonijiet solenni u ħalla warajh corpus sinifikanti ta’ xogħlijiet. Iżda l-influwenza tiegħu ma kinitx limitata għall-Katidral: il-mużika tiegħu kienet tinstema’ wkoll f’għad ta’ parroċċi u festi reliġjużi madwar Malta, inkluż fir-Rabat, fejn kellu rabta twila mal-ħajja liturġika ta’ dan is-subborg.
Għal dan l-avveniment, l-Arkivju tal-Katidral fl-Imdina nieda il-programm Archives Alive 2026 – Celebrating Malta’s Living Heritage, inizjattiva ta’ sena ddedikata lill-wirt dokumentarju u mużikali ta’ Zerafa li se jasal fi tmiemu fl-aħħar ta’ Frar 2027.
Dan il-programm ingħata l-bidu tiegħu fit-tmiem il-ġimgħa l-oħra meta l-Arkivju fetaħ il-bibien għall-pubbliku u dawk li żaru l-binja setgħu mhux biss josservaw il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-arkivisti, iżda wkoll il-wirja Benigno Zerafa: Music, Manuscripts and Mdina in the 18th Centuryli qed tittella’ fis-sala l-ġdida riservata għall-wirjiet li ġiet inawgurata propju għal dan l-avveniment. Il-wirja qed tiġbor flimkien manuskritti mużikali rari u dokumenti arkivistiċi relatati ma’ Zerafa u mal-ħajja tal-Imdina fis-seklu tmintax.
Studju internazzjonali dwar Zerafa
Il-qofol akkademiku tal-programm se jkun is-seminar internazzjonali Benigno Zerafa at the Cathedral of Malta: Music and the Arts in Eighteenth-Century Mdina, li se jsir fil-5 ta’ Novembru fl-Aula Capitolare tal-Katidral tal-Imdina.
Is-seminar se jlaqqa’ akkademiċi Maltin u barranin mill-qasam tal-mużikoloġija, l-istorja tal-arti, l-istudji liturġiċi, u l-wirt kulturali. Fost is-suġġetti li se jiġu diskussi hemm il-kontribut ta’ Zerafa għall-mużika tal-Katidral, l-istrumenti mużikali wżati fil-perjodu tiegħu, is-snin tiegħu f’Napli u l-kuntest artistiku u liturġiku li fih żviluppat il-mużika tiegħu. Fost il-kelliema hemm Prof. Dinko Fabris tal-Università ta’ Basilicata u Dr Lorenzo Fiorito, flimkien ma’ akkademiċi u esperti Maltin.
Is-seminar se jħalli warajh ukoll tifkira permanenti: il-proċedimenti tas-seminar li se jiġi mqassam fil-jum tal-konferenza. Bla dubju, il-pubblikazzjoni mistennija Don Benigno Zerafa at the Cathedral of Malta: Music and Arts in 18th century Mdina se tagħti dimensjoni oħra lill-kommemorazzjoni b’materjal ġdid riċerkat mill-arkivji li għandu jibqa’ bħala referenza għall-istudju futur tal-kompożitur u tal-kuntest mużikali u kulturali tiegħu.
Stennija għall-kunċert In Sacred Grandeur
L-avveniment prinċipali se jkun il-kunċert mistenni li se joħroġ għad-dawl il-manuskritti mużikali minn fuq l-ixkaffef tal-arkivju u jitwasslu lill-pubbliku. L-appuntament għall-kunċert In Sacred Grandeur huwa għas-7 ta’ Novembru, fil-Katidral Metropolitan fl-Imdina.
Il-kunċert ta’ mużika sagra se jippreżenta xogħlijiet li ġew traskritti mill-manuskritti tal-Arkivji tal-Katidral li jinkludi fost l-oħrajn Constitues eos in G, Mihi autem, Sederunt Principes in G, Timete Dominum, Rorate Coeli u Missa da Requiem, għal solisti, kor u orkestra. Il-kunċert se jsir taħt id-direzzjoni ta’ Chris Muscat, Maestro di Cappella tal-Katidral, bil-parteċipazzjoni tal-Kor Jubilate Deo u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Il-wirt ta’ Zerafa se jinstema’ wkoll barra mill-Imdina. Fit-23 ta’ Ottubru 2026, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, se jsir il-kunċert Magnificat, li fih se jindaqqu xogħlijiet ta’ Benigno Zerafa u Francesco Azopardi – il-Maestro di Cappella li kompla wara Zerafa – wara li ġew traskritti u editjati minn Dr Hugo Agius Muscat mill-manuskritti tal-Arkivju tal-Katidral. Il-kunċert se jinkludi erba’ solisti vokali, orkestra, orgni u l-kor ta’ madwar 60 kantant tas-St Paul Choral Society. Id-dħul kollu mill-biljetti se jmur għall-Hospice Malta.
Zerafa twieled fir-Rabat fil-25 ta’ Awwissu 1726, iben Nicola Zerafa, kirurgu, u Teresa Lombardo. Huwa rċieva l-ewwel formazzjoni mużikali tiegħu bħala tfajjel fil-Katidral ta’ San Pawl tal-Imdina, qabel ma’ telaq lejn Napli fl-1738.
F’Napli, wieħed mill-aktar ċentri importanti tal-mużika fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien, huwa studja fil-Conservatorio dei Poveri di Gesù Cristo u ġie f’kuntatt mat-tradizzjoni mużikali Naplitana. Din il-formazzjoni kellha influwenza kbira fuq il-lingwa mużikali tiegħu u fuq il-mod kif aktar tard żviluppa l-kompożizzjoni sagra f’Malta. Meta rritorna Malta fl-1744, Zerafa nħatar Maestro di Cappella tal-Katidral tal-Imdina, kariga li damet għal bosta snin, u ismu sar marbut mal-ħoss tal-Katidral għalkemm kien hemm mumenti ukoll fejn ħaqqaqha mal-Isqof.
Il-ħajja mużikali ta’ Don Benigno Zerafa ma kinitx limitata għall-Katidral tal-Imdina. Bħala Maestro di Cappella u kompożitur, huwa kellu sehem attiv fil-ħajja reliġjuża u mużikali tar-Rabat, fejn għal madwar 24 sena ħa ħsieb il-mużika għall-festa ta’ San Publiju u kien involut ukoll fl-attivitajiet tal-Parroċċa ta’ San Pawl.
Il-kontribut tiegħu kien marbut b’mod partikolari mal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Sagrament fil-Parroċċa ta’ San Pawl u mal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, fl-Oratorju tal-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Osservanti. Ir-rekords ta’ dawn l-istituzzjonijiet jixhdu l-involviment tiegħu fit-tħejjija tal-funzjonijiet liturġiċi u l-purċissjonijiet, fejn kien jieħu ħsieb il-mużika u jmexxi l-programmi mużikali bis-sehem ta’ mużiċisti u kantanti mill-cappella tal-Katidral.
Din il-ħidma tidher b’mod partikolarment ċar fil-kompożizzjonijiet tiegħu għall-Ġimgħa Mqaddsa u għall-Corpus Christi, li x’aktarx indaqqu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Arċikonfraternitajiet tar-Rabat. Fost l-aktar xogħlijiet sinifikanti hemm iż-żewġ ċikli ta’ Responsorji għall-Ġimgħa Mqaddsa, wieħed tal-1746 u l-ieħor tal-1763, kif ukoll l-Improperia per il Venerdì Santo tal-1754.
Għall-festa tal-Corpus Christi, fl-1753 Zerafa kkompona l-Motetti per la Processione del Corpus Christi, li jinkludu O Quam Suavis Est, Ego Sum Panis Vivus u O Sacrum Convivium. Fl-istess sena kiteb ukoll il-Lauda Sion għal erba’ vuċijiet, basso ripieno, żewġ vjolini, kontrabaxx u orgni.
L-impenn ta’ Zerafa ma kienx jieqaf mal-mużika. Bħala prokuratur tal-Ġimgħa Mqaddsa, huwa kellu responsabbiltà diretta fit-tħejjija tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, mill-ġestjoni tal-fondi u l-organizzazzjoni tax-xogħol sal-kura tal-apparat u tal-istatwi tal-Passjoni. Il-kontijiet juru li fl-1766 awtorizza l-ħlas għar-restawr ta’ sitt statwi tal-Misteri tal-Passjoni, filwaqt li fis-snin ta’ wara saru investimenti f’monumenti, apparat u statwi ġodda. Anki l-mużika kienet parti minn dan l-impenn, hekk kif Don Benigno u mużiċisti oħra membri fratelli tal-Arċikonfraternità taw is-servizz tagħhom gratis waqt il-purċissjonijiet tal-fratellanza, inkluż dik ta’ San Ġużepp.
F’din il-ħidma kellu maġenbu lil ħuh, Fra Giovanni Battista Zerafa, li għal snin twal serva bħala Segretarju tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Huwa kien responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-laqgħat u tal-proċeduri, u kien jassisti fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet. F’diversi okkażjonijiet aġixxa wkoll per commissione ta’ ħuh, fosthom fl-iffirmar ta’ riċevuti relatati mal-ħidma mużikali. B’hekk, il-kontribut artistiku ta’ Don Benigno kien sostnut minn ħidma amministrattiva li għenet biex dawn l-attivitajiet jibqgħu għaddejjin.
Il-wirt mużikali ta’ Zerafa
L-Arkivju tal-Katidral jippreserva l-opus sħieħ ta’ Don Benigno Zerafa, b’kompożizzjonijiet għal quddies, salmi, mottetti, innijiet, responsorji u mużika għall-Ġimgħa Mqaddsa, kollha awtentiċi miktubin minn idejh. Din il-ġabra hija fost l-aktar kollezzjonijiet importanti ta’ mużika sagra Barokka Maltija u tifforma xhieda straordinarja tal-kreattività u l-ħila tiegħu bħala kompożitur.
Il-wirt ta’ Zerafa, iżda, ma jitkejjilx biss bil-kwantità jew bil-kwalità tal-mużika li ħallielna. Il-kompożizzjonijiet tiegħu, flimkien mar-rekords amministrattivi tal-ħidma tiegħu fir-Rabat, juruna mużiċist li kien parti integrali mill-ħajja reliġjuża u soċjali ta’ żmienu. Permezz tiegħu, il-mużika kienet toħroġ mill-Katidral u ssib postha fil-festi, fil-purċissjonijiet u fil-ħajja tal-fratellanzi. Huwa proprju f’din ir-rabta bejn il-kreazzjoni mużikali u l-komunità li tinsab l-importanza storika ta’ Don Benigno Zerafa: mhux biss bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin tal-mużika sagra Maltija tas-seklu tmintax, iżda wkoll bħala protagonista ta’ kultura mużikali li kienet tagħti ħajja lit-tradizzjonijiet reliġjużi tal-gżejjer tagħna.
