Ninsabu fil-qofol tal-festi tal-Milied. U x’hemm isbaħ milli persuna tagħti rigal jew taħseb f’ħaddieħor f’dawn iż-żminijiet. B’mod partikolari naħsbu f’dawk li huma inqas ixxurtjati minna u li forsi dan iż-żmien ma jġibilhomx daqstant memorji sbieħ jew li jinsabu waħedhom. Għalhekk dak li jkun, jista’ jkun ta’ wens għal oħrajn b’diversi modi.
Fost id-diversi inizjattivi li jittieħdu, u ta’ min ifaħħarhom, hemm l-ikla tal-Caritas nhar il-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof. Mijiet ta’ voluntiera bħalissa jkunu qegħdin jaħdmu qatigħ biex iħejju l-ikla lil mijiet ta’ persuni li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi differenti bil-għan li jħossuhom li huma milqugħa u mhumiex waħedhom.
Attività oħra li tqanqal il-qlub hija l-inizjattiva Rigal bi Mħabba. Inizjattiva annwali minn mart il-Prim Ministru Lydia Abela, u bintha Giorgia Mae, sabiex jinġabru rigali għat-tfal li m’għandhomx min jagħtihom rigal.
Din l-inizjattiva sservi bħala tifkira lil kull wieħed u waħda minna, li mhux kull tifel u tifla f’pajjiżna jistgħu jgawdu dan iż-żmien meqjus bħala wieħed sabiħ u ta’ festa. Għalhekk inkunu qed nonqsu jekk ma nsellmux lil dawk kollha li jaħdmu biex b’xi mod jew ieħor inisslu ftit ferħ f’tant u tant familji u tfal.
Dan iż-żmien iservi wkoll bħala riflessjoni li f’pajjiżna għad hemm faxex tas-soċjetà li għadhom qed ibatu, minkejja l-assistenza soċjali kollha li jirċievu.
U filwaqt li inizjattivi bħal dawn huma importanti, hemm bżonn li bħala gvern imma wisq aktar bħala poplu naġixxu biex kemm jista’ jkun innaqqsu t-tbatija u kif ukoll is-solitudni li jkunu għaddejjin minnhom dawn in-nies.
Il-poplu Malti huwa magħruf għall-qalb kbira tiegħu. Xhieda li ħafna drabi tintwera fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru matul is-sena. Iżda nemmnu li l-poplu Malti għandu jibqa’ juri l-ġenerożità u l-qalb kbira tiegħu kull jum tas-sena u mhux biss f’jiem iżolati, jekk verament irridu nkunu solidali ma’ dawk li jifilħqu l-inqas.
Anki mill-aspett politiku, għandna nassiguraw li n-narrattiva politika m’għandhiex tkun imsejsa fuq diskors ta’ mibegħda. Jekk ma nagħmlux hekk, il-poplu Malti jista’ jinfired u mhux jingħaqad kif jitolbu żminijiet bħal dawn tal-Milied.
Għalhekk il-partiġġjaniżmu politiku sfrenat għandna nwarrbuh minn fostna darba għal dejjem. B’hekk biss nuru li aħna poplu matur, li lesti li nkunu ta’ solljev għal dawk kollha fil-bżonn matul is-sena kollha u mhux f’dawn il-ġranet sbieħ biss tal-Milied.