Sunday, December 22, 2024

Għas-sena d-dieħla, €95 miljun iktar investiment dirett f’uliedna

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri tal-Budget 2024, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjegaw il-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla, li jammontaw għal €95 miljun iktar f’allokazzjoni mill-Budget għal din is-sena.

“Dan huwa gvern li qiegħed jinvesti bla preċedent f’oqsma li huma fost l-aktar importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan il-budget qed ikompli jibni fuq dak li wettaqna fil-leġiżlatura li għaddiet u fuq iż-żewġ budgets ta’ din il-leġiżlatura, billi qed ikompli jagħti prijorità lis-settur tal-edukazzjoni u lil dak tal-isport. Miżuri fl-edukazzjoni li jsaħħu l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, li hija strateġija li se tittrasforma s-settur edukattiv u miżuri fl-isport li se jkomplu jsaħħu lil dan is-settur”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

F’dan il-budget il-gvern qed jalloka investiment ta’ €910 miljun għall-ministeru li jkopri l-edukazzjoni, l-isport, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-Ministru Clifton Grima spjega li se jkompli għaddej l-investiment fl-infrastruttura edukattiva, bir-rinnovar u modernizzar ta’ diversi skejjel madwar Malta u Għawdex, fosthom l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. Se jibdew ukoll il-fażijiet preliminarji fuq skejjel primarji ġodda fil-Mosta u fil-Mellieħa.

Huwa saħaq li l-ikbar investiment li l-pajjiż jista’ jagħmel huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna, ir-riżors uman. Għalhekk dan il-budget jara t-tisħiħ tal-programmi ta’ scholarships u tax credits għall-istudenti. Fost miżuri oħrajn hemm l-allowance speċjali ta’ €500 fis-sena għal tliet snin għal dawk li jkomplu l-edukazzjoni wara l-età obbligatorja; żieda ta’ €64 fis-sena fl-istipendji għall-istudenti – żieda pro rata għall-għoli tal-ħajja – filwaqt li se jkomplu jiżdiedu l-istipendji f’korsijiet partikolari; se jibda l-proċess preliminari biex jitwaqqaf mill-ġdid l-Istitut tas-Snajja’ u l-estensjoni tal-one-tablet-per-child, u tkompli l-ħidma biex jitqassam laptop ġdid lil kull student fis-seba’ sena.

“Dan il-gvern jagħraf li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna huma l-edukaturi u għalhekk li l-gvern se jagħmel l-almu tiegħu biex fix-xhur li ġejjin jiġi konkluż u ffirmat il-ftehim tal-edukaturi. Kull darba li npoġġu mal-mejda tan-negozjati naraw li nżidu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, b’mod b’saħħtu iżda li jkun ukoll sostenibbli. Hekk tfisser Malta Ġusta”, ikkonkluda l-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti spjega kemm il-gvern qiegħed jinvesti dejjem aktar fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sors ekonomiku b’saħħtu għas-snin li ġejjin.“L-investiment li qegħdin nagħmlu f’dan il-qasam jixhed il-viżjoni fit-tul li għandu l-gvern. Qegħdin ninvestu fir-riżorsa umana sabiex joħolqu prodotti u servizzi ġodda, mhux biss għas-suq lokali, iżda anki għal barra minn xtutna, bil-għan aħħari hu li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”, kompla jgħid Keith Azzopardi Tanti.

Is-segretarju parlamentari kkonkluda billi enfasizza kemm il-budget kien wieħed pożittiv, anki għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, b’diversi benefiċċji li qegħdin ikomplu jinċentivawhom biex itejbu l-edukazzjoni tagħhom u jkollhom ħajja attiva f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport