Għaxaq Music Festival 2026 iniedi l-aktar programm divers fl-istorja tiegħu

0
1

Il-kumitat organizzattiv tal-Għaxaq Music Festival 2026 nieda uffiċjalment il-programm sħiħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, l-Onor. Malcolm Paul Agius Galea, u l-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Jo Etienne Abela.

L-edizzjoni tal-2026, li se ssir fid-19, il-21 u l-24 ta’ Lulju, se tkun waħda mill-aktar edizzjonijiet diversi fl-istorja tal-festival. B’kuntrast mas-snin preċedenti, il-programm ta’ din is-sena jgħaqqad sport, mużika internazzjonali, dance music u talent Malti f’tliet avvenimenti kompletament differenti, filwaqt li jifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.

Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew il-Ħadd 19 ta’ Lulju b’xandira diretta u b’xejn tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fuq l-akbar skrin f’Malta. Il-Grounds ta’ Għaxaq se jinbidlu f’Fan Zone b’atmosfera mill-aqwa, b’għażla vasta ta’ food stalls, bars, żona apposta għat-tfal u divertiment għall-familja kollha. Eluf ta’ partitarji huma mistennija jingħaqdu flimkien biex jgħixu l-emozzjonijiet tal-akbar avveniment sportiv fid-dinja, filwaqt li DJ Pierre Cordina jiftaħ is-serata b’sett mużikali enerġetiku qabel il-bidu tal-partita. Id-dħul huwa bla ħlas, filwaqt li gruppi li jixtiequ jirriżervaw mejda jistgħu jċemplu fuq 77330535 jew 77092416.

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Lulju, il-palk tal-Għaxaq Music Festival se jilqa’ lil Ricchi e Poveri, wieħed mill-aktar gruppi leġġendarji u maħbuba fl-istorja tal-mużika Taljana. B’aktar minn 22 miljun diska mibjugħa, aktar minn 30 album u repertorju li ilu jgħaqqad ġenerazzjonijiet għal aktar minn ħames deċennji, il-grupp se jwassal spettaklu mimli nostalġija, enerġija u emozzjoni. Il-pubbliku se jkanta flimkien ma’ suċċessi immortali bħal Sarà perché ti amo, Mamma Maria, Che sarà, Se m’innamoro u Come Vorrei, kif ukoll il-kanzunetti l-aktar riċenti tagħhom.

Is-serata tibda b’sett minn DJ Pierre Cordina, segwit minn Kevin Paul Calleja & Band, wieħed mill-aktar artisti Maltin Mahbub, li kiseb suċċess bil-kanzunetta “Int u Jien”, finalista fil-Mużika Mużika 2026, fejn ikklassifikat fit-tielet post. Wara l-kunċert ta’ Ricchi e Poveri, il-festa tkompli b’closing party ma’ Alex Grech, biex il-lejl jagħlaq b’enerġija u divertiment sal-aħħar b’muzika u klassiċi mis-snin 80.

Il-qofol tal-festival jasal nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju bl-ewwel prestazzjoni f’Malta tal-fenomenu internazzjonali Padre Guilherme, magħruf madwar id-dinja bħala d-“DJ Priest”. Wara li daqq quddiem aktar minn miljun persuna waqt il-World Youth Day f’Liżbona, Padre Guilherme kompla jdur id-dinja b’wirjiet f’Buenos Aires, Madrid, Rio de Janeiro, São Paulo, Fatima, Beirut u festivals internazzjonali oħra, u llum huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar artisti oriġinali fix-xena tal-mużika elettronika. Il-mod uniku tiegħu kif jgħaqqad il-mużika ma’ messaġġ ta’ tama, għaqda u pożittività jagħmel kull prestazzjoni tiegħu esperjenza li tmur lil hinn minn sempliċi kunċert.

Miegħu se jingħaqdu POU – Product of Us, wieħed mill-aktar duos rispettati fir-Renju Unit fix-xena tat-trance u l-electronic dance music, li l-produzzjonijiet tagħhom jindaqqu regolarment mill-akbar DJs fid-dinja u li tellgħu spettakli f’festivals internazzjonali quddiem eluf ta’ partitarji.

Il-line-up jitkompla bl-artisti Maltin JJoy, Mux u Braynod, għal produzzjoni spettakolari ta’ livell internazzjonali li mistennija tagħlaq il-festival b’waħda mill-akbar iljieli ta’ dance music li qatt rat Malta.

Lil hinn mid-divertiment, il-Għaxaq Music Festival jibqa’ jġorr messaġġ soċjali importanti. L-edizzjoni ta’ din is-sena qed tittella’ b’risq Embrace Diversity Organisation, organizzazzjoni volontarja li tappoġġja tfal u żgħażagħ b’diżabilità. Parti mid-dħul mill-bejgħ tal-biljetti se tmur biex tgħin lill-organizzazzjoni tkompli bil-ħidma tagħha favur soċjetà aktar inklużiva.

Il-festival huwa organizzat mis-Soċjetà Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, u bl-appoġġ tal-Malta Tourism Authority.

Il-bibien għall-kunċerti tal-21 u l-24 ta’ Lulju jinfetħu fis-7:00 p.m., bil-programm ta’ divertiment ikompli sas-1:00 a.m., b’aktar minn sitt sigħat ta’ mużika live, DJs u spettaklu kontinwu.

Il-biljetti għall-kunċerti ta’ Ricchi e Poveri u Padre Guilherme huma disponibbli minn www.showshappening.com. Fadal biss numru limitat ħafna ta’ biljetti. Id-dħul għall-Finali tat-Tazza tad-Dinja fid-19 ta’ Lulju huwa kompletament bla ħlas.

Għall-konvenjenza tal-pubbliku se jkun hemm parkeġġ organizzat għal kull ġurnata tal-avveniment. Għal aktar informazzjoni, l-aħħar aġġornamenti u kontenut esklussiv, il-pubbliku huwa mħeġġeġ isegwi l-paġna uffiċjali tal-Għaxaq Music Festival fuq Facebook.

Bi programm ferm aktar divers mis-snin preċedenti, li jgħaqqad il-Finali tat-Tazza tad-Dinja, il-mużika leġġendarja ta’ Ricchi e Poveri, l-ewwel kunċert f’Malta ta’ Padre Guilherme, u l-aqwatalent Malti, l-Għaxaq Music Festival 2026 huwa lest biex joffri l-akbar, l-aktar spettakolari u l-aktar edizzjoni memorabbli fl-istorja tiegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here