Gvern Laburista qed ikompli jpoġġi lin-nies u l-familji fiċ-ċentru tal-politika u l-viżjoni tiegħu għall-futur. Dan bla dubju joħroġ mill-kwantità ta’ miżuri li l-Gvern adotta kemm tal-imgħoddi u ta’ bħalissa li qed ikompli jibni fuqhom.
Fil-fatt, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin tibqa’ punt importanti f’ħidmet il-Gvern, tant li ngħatat prijorità qawwija fil-manifest elettorali Int Malta, li l-poplu ta mandat b’saħħtu għalih fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li għadda u li huwa magħmul minn maġġoranza ta’ miżuri soċjali.
U dan għamlu proprju għaliex il-Gvern fehem ir-realtajiet tan-nies wara li sema’ mingħandhom. Fehem it-tħassib tagħhom. Fehem x’jixtiequ jaraw aktar fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. U dlonk issokta bil-ħidma tiegħu biex jgħin aktar nies u jindirizza r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Insemmu pereżempju l-leave relatat ma’ miscarriage, il-leave għall-korriment ta’ tqala u miżuri favur bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Infakkru wkoll miżuri oħra sinifikanti fosthom l-inklużjoni ta’ aktar mediċini fil-formularju biex jittieħdu b’xejn minn min jiġu bżonnhom.
Dan biex ma nsemmux ukoll l-emendi li saru fil-liġi tal-IVF sabiex aktar koppji jsiru ġenituri. U kif imwiegħed, fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura, mistenni li jkompli jwessa’ l-lista’ kundizzjonijiet ġenetiċi li għalihom jista’ jsir il-PGTM.
Ġaladarba qegħdin nitkellmu dwar is-suġġett tal-IVF, ninnutaw kif l-investiment qawwi u kontinwu tal-Gvern fis-servizzi tal-IVF qed iwassal għal aktar suċċessi u sabiex aktar familji jwettqu l-ħolma tagħhom li jsiru ġenituri. Fil-fatt, fl-2025, kien hemm 2,049 applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ proċeduri ta’ Riproduzzjoni Medikament Assistita.
Barra minn hekk, f’dik l-istess sena saru 774 proċedura tal-IVF, li minnhom irriżultaw 249 tqala. B’kollox, 254 tarbija twieldu permezz tal-IVF matul l-2025, li minnu nnifsu dan huwa rekord nazzjonali ġdid. Bit-take home baby rate nazzjonali ta’ 45.01%, li hija l-ogħla li qatt ġiet irreġistata f’Malta.
Huwa proprju għalhekk li napprezzaw dak kollu li sar f’dan il-qasam hekk sensittiv u delikat mill-2013 ’il quddiem. F’dan ir-rigward għandna għax nifhmu li l-Gvern beħsiebu jkompli għaddej bl-istess ritmu ta’ riformi li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu l-poplu li jgawdu minnhom.









