Il-Ministru tat-Trasport tal-Libanu qal li ftit ’il barra mill-kosta tas-Sirja nstabu l-katavri ta’ 61 immigrant li tilfu ħajjithom hekk kif id-dgħajsa li kienu fuqha għerqet.
F’dan l-inċident kien hemm 20 persuna li ġew salvati u dawn qed jingħataw il-kura fi isptar fin-Nofsinhar ta’ Tartus ġewwa s-Sirja. Skont uffiċjali li tkellmu mal-midja, hu mifhum li fuq din id-dgħajsa kien hemm bejn 120 u 150 persuna u din għerqet nhar il-Ħamis li għadda.
Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet għadhom iridu jifhmu eżatt x’wassal għal dan l-inċident. Hu mifhum li l-immigranti kienu telqu minn Minyeh ġewwa l-Libanu u jidher li dawn kienu taħlita ta’ persuni mil-Libanu, mis-Sirja, u Palestinjani. Fosthom kien hemm anke nisa u tfal. Jidher li d-dgħajsa kienet qiegħda tivvjaġġa lejn l-Ewropa.