Friday, May 3, 2024

Gianni Morandi jara Malta bħala l-post ideali biex tieħu vaganza tajba

Aqra wkoll

Il-kantant popolari Taljan Gianni Morandi ġie f’Malta sabiex ikompli t-tour tiegħu bl-isem ta’ Go Gianni Go. Is-Sibt filgħaxija hu ta kunċert fil-Forti Manoel, Manoel Island fejn attendew numru kbir ta’ nies sabiex jisimgħu ħafna mill-kanzunetti li għandu Morandi fir-repertorju tiegħu. Il-pubbliku preżenti kanta għall-kanzunetti verament sbieħ tiegħu fosthom Fatti Mandare dalla Mamma, Occhi di ragazza, Scende la pioggia u La fisarmonica.

Morandi twieled fil-belt ta’ Monghidoro fir-reġjun tal-Emilia Romagna fil-11 ta’ Diċembru 1944 u għalhekk għandu 78 sena. Kien popolari fis-snin sebgħin u tmenin fejn kien jieħu sehem f’diversi kunċerti u anke trasmissjonijiet televiżivi.

Bosta Taljani jiftakru d-debutt tiegħu fl-1962 meta t-televiżjoni kienet għadha bl-abjad u bl-iswed u meta żagħżugħ bl-isem ta’ Gianni Morandi kien qed jieħu sehem fi programm Canzonissima. Kulħadd induna bit-talent eċċezzjonali ta’ dan il-kantant li sena wara l-oħra kompla jevolvi dejjem aktar.

Sitt xhur ilu rajna lil Gianni Morandi jakkumpanja lil Amadeus fil-Festival ta’ Sanremo b’Gianni jerġa’ jikseb suċċess kbir għall-mod kif flimkien ma’ Amadeus ippreżenta l-festival. Flimkien mal-kantant San Giovanni rajnieh ikanta “Fatti mandare dalla mamma”.

Din hi t-tielet żjara ta’ Morandi f’pajjiżna wara li kien f’Malta fl-1991 u riċentement fl-2019 fejn mijiet ta’ fans Maltin tiegħu nġabru jisimgħu l-aqwa kanzunetti tiegħu.

Sadanittant il-kunċert li sar is-Sibt li għadda f’Manoel Island ġie organizzat mill-kumpanija Malta Globe Music Ltd bil-kollaborazzjoni tal-Ambaxxata Taljana f’Malta.

Dan is-sit tkellem mal-kantant ċelebri Taljan fejn saqsejnieh xi mistoqsijiet dwar il-karriera tiegħu u anke dwar l-esperjenzi li għadda minnhom f’dawn l-aħħar 50 sena.

Bdejna billi saqsejnieh dwar x’jiftakar mill-kunċert li kien ta f’Malta erba’ snin ilu. “Ovvjament kont erba’ snin iżgħar u apparti ċ-ċajt kien żmien fejn id-dinja ma kinitx qed tobsor minn xiex kellna ngħaddu fl-2020 meta tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19. Iżda minkejja kollox, niftakar li l-poplu Malti fit-tieni żjara tiegħi fostkom laqagħni ferm u kuntent li rnexxieli nferraħhom.”

Saqsejnieh proprju dwar x’fisser għalih u anke għall-artisti inġenerali l-waqfien tagħhom għal madwar sentejn minħabba l-Covid-19.

“Kienu sentejn misruqa minna li nħobbu l-mużika, li nħobbu neżebixxu ruħna u fuq kollox li niltaqgħu man-nies. Ħassejnieha ħafna bħala artisti li ma stajniex nintegraw man-nies fejn minkejja li sas-sena l-oħra rġajna bdejna, xorta waħda ma kienx biżżejjed. Nirringrazzjaw il-Bambin, tul din is-sena l-affarijiet reġgħu ġew għan-normal u issa ninsab hawn nipprova nallegra lin-nies dilettanti tal-mużika Taljana.”

Tkellimna miegħu ukoll dwar is-sehem tiegħu fil-preżentazzjoni tat-73 edizzjoni tal-Festival ta’ Sanremo.

“Wara ħafna snin, li nsib ruħi fuq il-palk ta’ Sanremo u nkun wieħed mill-protagonisti għoġbitni ħafna u hi xi ħaġa li qatt ma immaġinajt li se nagħmel meta kont żgħir. Kienet esperjenza sabiħa ħafna u kif taf jien ħabib ħafna ta’ Amadeus, wara kollox hu kien is-sid tal-festival. Jien kont hemm, inżomm kumpanija.”

Iżda x’jaħseb Gianni Morandi dwar il-gżejjer Maltin? “Nammetti li dejjem inkun emozzjonat li nara l-merħba li jagħtuni l-Maltin. Hu poplu uniku viċin tagħna li jħobb sew il-mużika Taljana u li jsegwi sew dak li jkun qed iseħħ f’din il-peniżola.”

“Malta togħġobni ħafna bħala gżira. Hi mdawra bil-baħar apparti li x-xemx hawnhekk hi preżenti għal ħafna u ħafna ġranet. Hu l-post ideali biex tieħu vaganza tajba!”

Gianni Morandi tkellem ukoll magħna dwar ix-xena tal-mużika Taljana tal-lum il-ġurnata. Hu sostna li ż-żminijiet inbidlu u twieldu ġenerazzjonijiet ġodda, artisti u kantanti ġodda li taw ċertu stil lill-mużika Taljana. Minkejja li għandu 78 sena, Morandi qalilna li jagħmel minn kollox biex jibqa’ kantant attwali u jimxi mal-moda u l-istil tal-mużika tal-lum għalkemm jemmen ukoll li jrid jibqa’ hu kif inhu mingħajr ma jinbidel għal ħaddieħor.

Iżda kif inbidlet il-mużika Taljana minn meta beda hu fis-snin sittin għal-lum il-ġurnata?

“Bla dubju li nbidlu ħafna affarijiet minn ħamsin sena ilu ‘l hawn. L-istili nbidlu ferm, il-lirika m’għadhiex l-istess hekk kif kantanti Taljani żgħażagħ qed jimirħu anke fil-lingwa Ingliża li sa ċertu punt hu pożittiv għalkemm dejjem nappellalhom li m’għandhomx jinsew il-lingwa Taljana li hi tant u tant sabiħa.”

“Madankollu nemmen li kull kantant jew kantanta Taljana xorta għandu dak l-għerq Taljan ġo fih u dejjem jara li jinkludi l-istil kif nafuh aħna.”

Morandi qal li llum il-ġurnata, il-kantanti żgħażagħ għandhom ħafna opportunitajiet, xi ħaġa li fi żmienu ma kellux. Id-dinja tal-kompjuters u l-internet biddlet kompletament ix-xena tal-mużika u dawn l-opportunitajiet f’fora interattivi bħal Facebook, You Tube u Instagram fetħulhom il-bibien beraħ.

Saqsejna lil Gianni Morandi dwar il-futur tiegħu. Hu għolla rasu lejn is-sema u qalilna.

“Il-futur tiegħi? Jiddeċidieh dak t’hemm fuq. S’issa għadni nieħu gost inkanta u nagħti pjaċir lin-nies. Nitlob il-Bambin biex ikompli jagħtini s-saħħa nagħmel dan għax il-mużika hi ħajti.”

Tkellem dwar il-kantawturi Taljani li huma verament bravi u li taw kontribut kbir lill-mużika Taljana fosthom Gino Paoli, Fabrizio de Andre, Lucio Dalli, Lucio Battisti, Laura Pausini u Vasco Rossi. Dawn kitbu kanzunetti li għadhom u jibqgħu validi sal-lum il-ġurnata u se jibqgħu protagonisti għas-snin li ġejjin minkejja li għadda ħafna żmien minn fuqhom.

“Illum għandna awturi xi ftit differenti fejn kif għedtlek aktar qabel, l-interess tagħhom hu li apparti li jdaħħlu lirika Taljana, kapaċi joħolqu stili etniċi fosthom dawk Brażiljani, Amerikani u anke Ingliżi. Madankollu xorta nara li l-Maltin japprezzaw sew il-mużika Taljana.”

Finalment tlabnieh sabiex jgħaddilna l-aħħar kumment indirizzat lejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

“F’isem il-kantanti Taljani ħbieb tiegħi, nirringrazzjakom talli ssegwu l-mużika Taljana. Nirringrazzja lil dawk li japprezzaw il-kanzunetti tiegħu u jien min-naħa tiegħi nħoss sew ir-rispett li għandhom lejja.”

Sport