Saturday, May 18, 2024

Mhux ħatja li ffrodat lill-kumpanija MPT mas-€17,000

… il-Qorti tal-Appell tikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel Qorti

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat deċiżjoni tal-Ewwel Qorti li lliberat mara mill-akkużi li allegatament iffrodat lill-kumpanija Malta Public Transport mas-€17,000. 

Katrina Bugeja ta’ 29 sena, li xogħolha kien li tbigħ il-biljetti tat-trasport pubbliku, kienet mixlija li bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Diċembru tal-2017, għamlet qligħ b’qerq ta’ madwar €17,209 b’dannu għall-MPT. 

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet iddeċidiet li tillibera lil Katrina Bugeja minn kull reat kif ipprospettat mill-Prosekuzzjoni wara li semgħet ix-xhieda ta’ diversi uffiċjali u impjegati tal-MPT u tal-kumpanija City Security, responsabbli mill-ġbir tal-boroż.

L-ewwel Qorti qalet li ma nġiebu ebda provi li juru li l-MPT għaddiet flusha lil Bugeja u lanqas ma ġie pruvat li Bugeja approprjat ruħha minn dawk il-flejjes billi approfittat minnhom għaliha jew għal ħaddieħor jew li saħansitra dawk il-flejjes ġew fdati lilha mill-kumpanija biex tagħmel użu minnhom.

Intqal li għall-kuntrarju, il-fatti tal-każ jinkwadraw perfettament fir-reat ta’ serq fejn l-imputata qed tieħu flejjes mgħoddija lilha mingħajr il-kunsens tal-MPT, mingħajr l-intenzjoni li tirritornahom, biex tagħmel qligħ minnhom. “Dawn huma l-elementi tar-reat ta’ serq li kellha tiġi akkużata bih l-imputata. Minflok, ġiet akkużata b’reati ta’ frodi u approprjazzjoni indebita,” qalet il-Qorti tal-Maġistrati.

Kien għal dawn ir-raġunijiet, li l-Qorti lliberat lill-imputata mill-akkużi miġjuba kontra tagħha. L-Avukat Ġenerali ippreżenta appell fejn talab li tiċħad l-aggravji kollha u t-talba riżultanti fil-konfront tagħha fit-totalità tagħhom filwaqt li tikkonferma s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. 

L-Imħallef Scerri Herrera, li semgħet l-appell, qalet li kif tajjeb ikkonkludiet l-ewwel Qorti, l-imputata kellha tiġi akkużata bir-reat ta’ serq u tajjeb osservat li ma setgħetx tapplika l-artikolu 476 (2) tal-Kodiċi Kriminali u dan għaliex dan l-artikolu mhux wieħed mid-dispożizzjonijiet li ġew reżi applikabbli għal Qorti tal-Maġistrati bis-saħħa tal-artikolu 525 tal-Kodiċi.

“Għalhekk, din il-Qorti ssib li l-ewwel Qorti kienet korretta meta lliberat lill-appellata minn kull imputazzjoni u piena u tiddikjara li s-sentenza mogħtija minnha kienet waħda “safe and satisfactory”. 

L-Avukat Josephine Farrugia Mifsud dehret għall-imputata. 

Sport