Saturday, March 29, 2025

“Ġieħ il-Belt Valletta 2025” mogħti lil Mario Cutajar għal ħidmietu fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-Belt

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta irikonoxxa lil Mario Cutajar bl-ogħla unur “Ġieħ il-Belt Valletta 2025” bħala rikonoxximent iprezentat mis-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, għall-kontribut straordinarju tiegħu fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-Belt Valletta u għar-rwol ewlieni tiegħu f’inizjattivi li saħħew l-identità storika u kulturali tal-Belt Kapitali.

Matul is-snin, Mario Cutajar wera impenn bla waqfien għall-Belt Valletta, kemm bħala storiku, kemm bħala eks-Kap tas-Servizz Pubbliku, u wkoll bħala President tal-maltabiennale.art, li ġabet l-ewwel biennale internazzjonali tal-arti kontemporanja f’Malta. Kellu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni ta’ Valletta 2018, meta l-Belt ġiet innominata Kapitali Ewropea tal-Kultura, u kien strumentali fit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali ta’ Valletta u fil-ħolqien tal-Pjan ta’ Ġestjoni għall-Belt Valletta.

Mario Cutajar irċieva dan l-unur prestiġjuż bħala rikonoxximent għall-kontribut tiegħu fit-tisħiħ tal-identità Beltija, għax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-arti u l-kultura, kif ukoll għall-viżjoni tiegħu li l-Belt Valletta tibqa’ fiċ-ċentru tal-ħajja kulturali u artistika ta’ Malta.

Barra minn hekk, l-impenn tiegħu fis-settur kulturali ġie rifless fil-ħidma tiegħu bħala Chairman ta’ Heritage Malta, fejn saħħaħ l-irwol tal-Belt fil-preservazzjoni tal-patrimonju Malti u ħadem biex siti storici ewlenin fil-Belt jiġu protetti u rrestawrati, fosthom il-Main Guard u l-Underground Valletta.

Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay qal “Il-Belt Valletta mhijiex biss storja miktuba fil-ġebel u l-monumenti, iżda hija l-ispirtu tal-komunità li jgħixha. Dan l-unur huwa ċelebrazzjoni ta’ dawk li jaħdmu biex iżommu ħajja l-identità tagħna, biex il-Belt tibqa’ tiftaħar bil-wirt tagħha u tkompli tħares lejn il-futur b’kuraġġ u determinazzjoni.”

Rikonoxximenti oħra mogħtija matul iċ-ċerimonja:

Michael Galea – għal xogħlu fil-qasam tal-istorja u l-pubblikazzjonijiet dwar il-Belt Valletta.
Rita Dimech – għall-impenn tagħha fil-kura tal-qtates tat-triq fil-Belt Valletta.
Valletta FC – għar-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħhom fi żmien ta’ sfida fil-futbol Malti.
Alfred P. Camenzuli – għall-kontribut tiegħu fil-qasam kulturali u sportiv.
Jaii Curmi – għad-dedikazzjoni tiegħu biex iżomm ħajja t-tradizzjoni tal-Karnival Beltin.

Din iċ-ċerimonja reġgħet wriet kemm il-Belt Valletta hija ċentru ta’ storja, kultura u komunità vibranti.

Permezz ta’ rikonoxximenti bħal dawn, il-Kunsill Lokali jkompli jonora lil dawk li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-preservazzjoni tal-Belt Kapitali tagħna.
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport