Bħala parti mill-attivitajiet organiżżati biex jiċċelebraw l-okkażjoni tal-25 anniversarju mit- twaqqif tagħhom, id-Dingli Girl Guides żaru Sqallija mis-6 sad-9 ta’ Lulju. Il-grupp ta’ tmintax- il tifla akkumpanjati minn sitt adulti, qagħdu fil-campsite Pippa’s Paddock fil-villaġġ ta’ Alia li jinsab fil-qalba tal-muntanji Madonie.
Il-vjaġġ t’erbat ijiem kien mimli b’bosta attivitajiet avventurużi u kulturali. Il-Girl Guides bdew l-avventura tagħhom billi qattgħu ġurnata fil-waterpark EtnaLand. Iktar tard, mill-campsite, imxew lejn l-għerien ta’ Gurfa fejn hemmhekk ammiraw kumpless ta’ għerien artifiċjali li jmur lura għaż-Żmien Neolitiku.
It-tfal ħadu gost ukoll iqattgħu ftit ħin jsiru jafu liż-żwiemel sbieħ u mansi li għandhom Pippa’s Paddock. Kellhom ukoll opportunità jattendu il-festa lokali ta’ Alia fejn ġie ċċelebrat l- patrimonju tal-villaġġ.
Attività speċjali oħra kienet ġurnata ġewwa l-Parco Avventura Madonie. Dan il-park huwa kkaratterizzat minn foresta u muntanji u għaldaqstant is-sbuħija naturali ma tonqosx. Il-Girl Guides esperjenzaw l-avventuri mdawwrin bin-natura.
Kellhom diversi sfidi ta’ high rope courses u zip-lining. Fit-triq lura lejn il-kamp għaddew minn qalb il-muntanji Madonie fejn raw iċ-ċriev selvaġġi. Imbagħad waqfu fil-villaġġ ta’ Polizzi Generosa fejn gawdew veduti mill-isbaħ tal-muntanji u n-natura minn fuq il-belvedere u ħadu l-ikla ta’ filgħaxija.
L-aħħar ġurnata qattawha fiċ-Circolo Nautico Tre Laghi li jinsab f’Enna. F’din l-għadira kbira il- Girl Guides kellhom ċans jgħumu kif ukoll marru dawra bid-dgħajsa fejn setgħu japprezzaw aktar mill-viċin is-sbuħija tan-natura. Għal darb’oħra l-element tal-avventura ma naqasx għax it-tfal kellhom ċans ukoll jaqdfu bil-kenura.
Għall-maġġoranza tat-tfal li pparteċipaw, din kienet l-ewwel esperjenza internazzjonali ta’ Girl Guiding barra minn pajjiżom. It-tfal irritornaw b’ħafna esperjenzi memorabbli mżewqin b’ħafna pjaċir, daħq, sfidi u ħbiberiji ġodda filwaqt li involvew ruħhom f’ambjent, kultura u patrimonju differenti.
Esperjenzi internazzjonali simili huma organiżżati fuq bażi regolari u huma parti mill- programm tal-Girl Guiding li joffru il-Malta Girl Guides f’diversi gruppi fi bliet u rħula lokali. Biex tissieħeb mal-Malta Girl Guides, ġenituri jew gwardjani għandhom jikkuntattjaw lill- assoċjazzjoni permezz tal-paġna fuq Facebook jew billi jibgħatu email fuq [email protected].