Saturday, December 21, 2024

Ġnien, grawnd tal-futbol u bandli ġodda f’Ħal Tarxien

Aqra wkoll

Tlestew ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ fi Ġnien Veliko Tornovo f’Ħal Tarxien, li kien jinvolvi wkoll ir-rinnovazzjoni ta’ pitch tal-grawnd tal-futbol tal-5-a-side biswit il-ġnien.

Ix-xogħlijiet li saru mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien ġew iffinanzjati minn fondi tal-aġenzija Komunità Malta. Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ kienu jinvolvu wkoll sistema ta’ dwal ġodda għall-ġnien, ir-restawr ta’ gazebo fil-ġnien, bandli ġodda u twapet ġodda taħthom, firxa ta’ pjanti u restawr tal-pedestalli tal-istatwa tal-Annunzjata u ta’ monument tal-bronż.

Il-pitch tal-grawnd tal-futbol ġie inawgurat mill-ġenituri tal-kuntistabbli Mark Farrugia li ħamsa u għoxrin sena ilu kien inqatel f’Ħal Tarxien waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Dan wara li l-istess grawnd issemma għall-istess kuntistabbli Mark Farrugia.

Xi xogħlijiet fl-istess ġnien, fosthom diversi arti li saret mal-ħitan, saru minn persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, bħala parti mill-programm ta’ riabilitazzjoni tagħhom.

Waqt ċerimonja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li dan huwa spazju miftuħ u sportiv li qed jingħadda lura lill-komunità ta’ Ħal Tarxien sabiex jitgawda fil-qalba tal-komunità. Sostna li dan juri l-impenn tal-Gvern li flimkien mal-kunsill lokali qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Ħal Tarxien.

“Hija wkoll xi ħaġa mill-isbaħ li ċerti xogħlijiet saru minn persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn isservi sabiex mhux biss ikomplu r-riabilitazzjoni tagħhom, iżda jroddu wkoll xi ħaġa lura lill-komunità”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li hu ta’ sodisfazzjon li dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, u li hu proġett li jippromwovi l-attività fiżika fosthom il-futbol. 

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela Galea.

Ekonomija

Sport