Ġnien Rousset, fil-qalba tal-lokalità ta’ Ħal Kirkop, b’madwar 2,500 resident Koppin, ser ikun qiegħed jinbidel fi spazju miftuħ akbar u aktar ħadrani. B’investiment ta’ madwar €400,000, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qed jestendi l-ħdura tal-ġnien eżistenti billi filwaqt li jippreserva s-siġar maturi li hemm imħawla, iżid aktar siġar biex dawn jipprovdu dell naturali.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, saħaq kif dan il-ġnien fin-naħa t’isfel ta’ Malta, b’pożizzjoni ċentrali fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop, ser ikun mibdul fi spazju fejn l-anzjani u ż-żgħażagħ jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia żied li dan il-proġett ta’ spazju miftuħ fl-urban, jingħaqad ma’ numru ta’ proġetti oħrajn li bħala Public Works qiegħda taħdem fuqhom fil-qalba tal-ibliet u l-irħula Maltin u li jagħmlu parti mill-viżjoni ambjentali tal-Gvern.
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit, filwaqt li rringrazzja lill-Public Works tal-impenn tagħhom biex jimmaterjalizza dan il-proġett, enfasizza dwar l-importanza li Ġnien Rousset għandu għar-residenti Koppin.
Dan l-ispazju miftuħ, imdawwar bil-ground tan-Nursery tal-Football ta’ Ħal Kirkop, kif ukoll l-iskola sekondarja ta’ San Benedittu, ser ikun qiegħed jinbidel minn spazju mitluq għal wieħed ħadrani li jagħmel ġieħ lil-lokalità ta’ Ħal Kirkop.
Ir-riġenerazzjoni totali ta’ Ġnien Rousset, liema isem ingħata wara ġemellaġġ li kien sar bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop u l-villaġġ żgħir Rousset li jinsab fil-provinċja Aix-en-Provence fi Franza, hija ħolma tal-Koppin, li ser tkun qiegħda tinbidel f’realtà.
Ftit xhur ilu, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ffirma memorandum ta’ qbil mal-Kunsill Lokali preċedenti biex ikun jista’ jitwettaq dan ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni.