GREE Żurrieq Wolves Hotsticks resqu żewġ punti ‘l bogħod mil-leaders Floriana Young Stars meta fil-ħames ħarġa tagħhom tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey għelbu lil White Hart 5-0.
Kif mistenni, il-Hotsticks ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lill-avversarji tagħhom li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tal-istaġun.
Silas Plaehn u Keith Scicluna fetħu vantaġġ doppju sa tmiem l-ewwel quarter sabiex Jayden Cutajar, David Vella Dingli u Gary Bonnici skorjaw aktar gowls fit-tieni u tielet quarter.
Umpires kienu Edward Hughes u Karl Chircop.
F’logħba mill-kampjonat tal-Hockey 7s, Qormi Daikin iddominaw il-konfront tagħhom kontra Floriana Young Stars tant li rebħu 17-0.
Kif jindika l-iskor, il-Qriema kienu superjuri fejn kellhom lil Ayrton Falzon u Daniel Ellul li skorjaw erba’ gowls kull wieħed filwaqt li Wyatt Magri, Clayton Gatt Nathan Pace Gasan u Neil Spiteri Montebello kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed. Gareth Dimech għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.
Umpires kienu Glen Bonello u Alessandro Amore.
Mill-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, Qormi Daikin kienu aħjar minn Marsaskala Summer Nights tant li rebħu 6-1 filwaqt li De La Salle Floriana għelbu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 3-1 fil-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY
Floriana Young Stars 9, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 7, Qormi Daikin 4, White Hart 0