Friday, May 3, 2024

Ġurnata pożittiva fit-tennis imtappna minn injury ta’ Asciak

Aqra wkoll

Fit-tennis, il-Maltin kellhom ġurnata pożittiva, li iżda, kienet imtappna bl-injury ta’ Matthew Asciak fil-minkeb. Huwa kellu jirtira fil-kwarti-finali meta kien qed jilgħab kontra Lucas Catarina ta’ Monaco li dan tal-aħħar kien qed jirbaħ 6-2 4-1. 

Madankollu fil-kwarti-finali l-oħra fejn kien involut il-player Malti, Matija Pecotic, kellna riżultat sodisfaċenti meta warrab l-isfida tat-tennista mil-Lussemburgu, Raphael Calzi, 6-2 6-2, biex ikkwalifika mal-aħħar erbgħa. 

Kif jindika r-riżultat, Pecotic, iddomina għal kollox lill-avversarju tiegħu minkejja li f’mumenti wera l-kapaċitajiet tiegħu. 

Fil-kategorija tan-Nisa, ir-Reġina tat-tennis Malti, Francesca Curmi, għelbet liċ-Ċiprijotta,  Maria Constantinou, 6-2 6-0. Din il-logħba kienet aktar sessjoni ta’ taħriġ milli livell ta’ kwarti-finali. 

Anke Elaine Genovese kkwalifikat għas-semi-finali meta għelbet lil Eleonora Molinaro tal-Lussemburgu 6-3 6-2. Minkejja li l-avversarja ippruvat tibni xi forma ta’ sfida denja, it-tennista Maltija kienet tajba biżżejjed biex kompliet tavvanza f’din il-kompetizzjoni. 

Sport