Sunday, November 24, 2024

GVERN LI JWETTAQ DAK LI JWIEGĦED

Aqra wkoll

Il-Gvern reġa’ żamm kelmtu li jkompli jindirizza l-anomaliji u l-inġustizzji tal-imgħoddi tant li l-aħħar każ minn dawn, li kien jinvolvi 72 eks impjegati tal-PBS issewwa fil-jiem li għaddew. L-ispiża f’dan il-każ kienet tlaħħaq 5.5 miljun ewro.

Din l-iskema tnediet abbażi tal-ftehim kollettiv milħuq fl-1976 bejn il-General Workers Union u dik li kienet il-Korporazzjoni Telemalta li dak iż-żmien kienet tinkludi ħaddiema fil-qasam tax-xandir u oħrajn li qabel kienu mpjegati mal-kumpanija Rediffusion.

Din hija konferma oħra illi Gvern Laburista jwettaq dak li jkun wiegħed biex jindirizza sitwazzjonijiet li dwarhom saret inġustizzja fil-passat. Aktar minn hekk qed jiġu indirizzati inġustizzji li qatt ma kienu ttieħdu azzjonijiet dwarhom minn ebda amministrazzjoni preċedenti.

F’dan l-isfond ukoll ma nistgħux ma nsemmux kif ftit tax-xhur ilu tħabbar li mal-4,800 persuna kienu se jibbenefikaw minn ftit aktar minn €8.2 miljun, bħala parti minn pagamenti dovuti lilhom minħabba inġustizzji li sofrew fil-passat.
Il-benefiċjarji huma eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku, persuni li wkoll kienu fil-korpi iżda wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, u eks impjegati tal-Gas Board li kienu trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.

Nemmnu li b’dan il-mod, minbarra li tkun qiegħda tissewwa inġustizzja mal-vittma, qed troddilhom lura dak li kien dovut lilhom snin ilu. Din hija turija oħra li l-Gvern ma jinsa lil ħadd u mhu se jħalli lil ħadd jaqa’ lura. Dan kollu sforz ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern li qiegħed jaħdem qatigħ sabiex jibqa’ jagħmel ġustizzja mal-inġustizzji li ħoloq ħaddieħor.

Sport