Wednesday, April 24, 2024

Gzira United jirreġistraw l-ewwel rebħa

Aqra wkoll

Ritratt: Christine Borg

Valletta ………….0

Gzira United ……2

Gzira United kisbu l-ewwel rebħa tagħhom f’dan l-istaġun meta b’goal f’kull taqsima għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-0.

Din ir-rebħa waslet wara telfa u żewġ draws għat-team ta’ Darren Abdilla waqt li Valletta sofrew it-tieni telfa konsekuttiva wara dik kontra r-rivali Floriana. 

Valletta kellhom tliet bidliet mit-team li tilef kontra Floriana hekk kif Michele Sansone, Eslit Sala u Isaiah Micallef ħadu post is-sospiż Christian Gauci, Joseph Ze­rafa u Lucas Ribeiro Campos. Min-naħa l-oħra, Gzira kel­lhom lil Anthony Curmi jibda fil-lasti minflok Justin Haber waqt li Zach Scerri ċeda postu lil Nevin Portelli.

Gzira ħarġu tajjeb u fl-14-il minuta, marru viċin meta f’azzjoni tajba Jefferson bidel il-ballun ma’ Martin Davis qabel għadda lejn Jackson Mendoza li kellu xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li laqat il-mimduda bi Guarnone jsalva.

Żewġ minuti wara Jefferson irċieva pass fit-tul u qabeż lill-goalkeeper li kellu joħroġ barra l-kaxxa biex jipprova jantiċipa imma Eslit Sala rnexxielu jxellef il-ballun biex evita l-periklu.

Sitt minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Gzira fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Steve Pisani,  Jefferson de Assis ikkonkluda mill-viċin bil-ballun jolqot sieq il-lasta u jaħbat ma’ dahar il-goalkeeper Belti qabel jispiċċa ġewwa għal auto-goal sfortunat.

Fit-tieni taqsima, Valletta ħarġu tajjeb u wara ħames minuti, Ivan Curjuric temm ġirja b’xutt minn barra l-kaxxa. Żewġ minuti wara Curjuric għadda lejn is-sostitut Shaun Dimech li kellu xutt jgħaddi jħakkek mal-lasta.

Madankollu fil-65 minuta huma spiċċaw jilagħbu b’għaxar players hekk kif tkeċċa Enmy Pena Beltre wara li deher jirritalja fuq Jefferson de Assis.

Fis-76 minuta, Gzira serrħu rashom mit-tliet punti meta THIAGO ESPINDOLA bidel il-ballun fuq ix-xellug ma’ Yuri Messias u għeleb lil Guarnone.

VALLETTA: 26-Alessandro Guarnone, 5-Ryan Camilleri, 6-Triston Caruana, 8-James Arthur, 11-Michele Sansone, 18-Enmy Pena Beltre, 20-Ivan Curjuric (92-Kevin Tulimieri 73), 22-Isaiah Micallef (10-Shaun Dimech 46), 66-Eslit Sala, 77-Caio Prado (97-Lucas Ribeiro Campos 73), 89-Mario Fontanella  – Coach: Antonio Jose Cardoso Mendes

GZIRA U.: 1-Anthony Curmi, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Steve Borg, 6-Nikolai Muscat, 7-Steve Pisani, 19-Martin Davis (17-Clive Gauci 84), 20-Nevin Portelli, 91-Maxuell Maia (11-Yuri Messias 67), 93-Thiago Espindola, 94-Jefferson de Assis (9-Emmanuel Mbong 89), 98-Jackson Mendoza (5-Luke Tabone 89)  – Coach: Darren Abdilla

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: Alan Ca­milleri, James Muscat

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORERS: A. Guarnone 39 og, T. Espindola 76 (GU)

AMMONITI: R. Camilleri, A. Guarnone (V); J. Mendoza, S. Pisani (GU)

TKEĊĊA: E. Pena Beltre 65 (V)

     PLAYER TAL-LOGĦBA – Jefferson de Assis (Gzira U.)

Sport