Friday, April 19, 2024

“Ħadd ma emmen li setgħet tfaqqa’”

Gwerra bejn żewġ pajjiżi li kkawżat gwerra ekonomika internazzjonali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Qbiżna l-mitt jum ta’ devastazzjoni u ġlied fl-Ukrajna wara li l-invażjoni Russa bdiet minn ġlieda ddisprata għat-territorju ta’ Mariupol. Din il-gwerra waslet għal insabbiltà enormi u problemi ekonomiċi kbar madwar id-dinja kollha, inkluż f’pajjiżna. F’dak li ħafna ħasbu li se jkun konflitt qasir li jieqaf jew b’negozjati jew inkella b’telfa ħesrem ta’ waħda miż-żewġ naħat, illum għandna quddiemna gwerra mdemmija, miljuni ta’ refuġjati barra minn art twelidhom u tensjonijiet politiċi serji b’theddida kontinwa li l-ġlied jista’ jinfirex ma’ pajjiżi oħra, b’mod partikolari fl-Ewropa stess.

It-23 ta’ Frar li għadda kien lejl kwiet u normali iżda ftit sigħat wara l-poplu Ukren u l-bqija tad-dinja nħasdu mal-ewwel attakki b’missili Russi fuq ordni tal-President Vladimir Putin. Dan kien l-aħħar jum ta’ era ta’ paċi fl-Ewropa li għal 30 sena sħaħ il-qawwiet il-kbar ta’ dan il-kontinent irnexxielhom iżommu stabbli. 

Aħbar kerha mhux mistennija…

Eluf ta’ suldati Russi qasmu l-konfini tal-Ukrajna wara li ngħataw ordni għal “operazzjoni speċjali” mill-President Putin. President ieħor din id-darba fi Kyiv, Volodymyr Zelensky, ipprepara l-aktar indirizz nazzjonali sensittiv u ikrah li qatt kellu jagħmel biex iħabbar li pajjiżu qiegħed jiġi attakkat mir-Russja.

Minkejja li l-Istati Uniti kienet wissiet kemm-il darba li jista’ jkun hemm periklu ta’ invażjoni mill-Kremlin, l-Ukreni ma kienux inkwetati tant li, sal-lejl ta’ qabel, il-ħajja kienet għaddejja normali. Fil-fatt ħadd minnhom ma vvjaġġa lejn il-konfini biex jaħrab mill-pajjiż. Il-kafetteriji u l-ħwienet tax-xorb fi Kyiv is-Sibt ta’ qabel kienu rrapportati mimlija bin-nies. L-Ukreni kienu tant bla ħsieb jew biżgħa ta’ gwerra li anke kienu qegħdin jippjanaw vaganzi, attivitajiet soċjali, lezzjonijiet tal-għawm għal uliedhom, ħruġ u affarijiet normali li kulħadd huwa mdorri bihom.

Student Ukren, Volodomyr Ksienich ta’ 22 sena fil-lejl ta’ qabel l-invażjoni mir-Russi kien qatta’ s-serata ma’ sħabu. Iż-żgħażagħ kienu tkellmu dwar il-gwerra u stqarr li, “ħadd ma emmen però, li din se tfaqqa’”. 

Dak iż-żmien l-analisti kienu ssopponew li ladarba l-forzi Russi fil-konfini kienu ftit biex jokkupaw pajjiż, ma kienx hemm theddida serja. Il-midja statali min-naħa tagħha m’għamiltx aċċenn partikolari fuq il-posssibbiltà li r-Russi se jidħlu fi gwerra u barra minnhekk, gwerra twassal għal sanzjonijiet ekonomiċi ħorox li ebda mexxej ma jkun irid li jsofri. Però, kif issa nafu, dan ma kienx il-każ.

Gwerra li tista’ teqred kollox

Nhar l-24 ta’ Frar, il-Ħamis, bdiet l-invażjoni Russa b’azzjoni militari awtorizzata minn Putin innifsu. “L-Ewropa kollha”, wissa Zelensky, “tista’ tidħol fi gwerra li se teqred kollox”. Ir-Russi min-naħa tagħhom qalu li din kienet operazzjoni militari speċjali biex ineħħu l-armi mill-Ukrajna u biex “inaddfu lill-poplu min-Nażiżmu”. Waqt li Putin ħabbar li nvada l-Ukrajna fl-indirizz tiegħu, kienu diġà bdew deħlin rapporti ta’ splużjonijiet fi Kyiv, Kramatorsk, Kharkiv, Odesa, Mariupol u bliet oħra.

Il-ġlied kien qalil tul il-ġurnata kollha u wara komplew ġranet, ġimgħat u issa xhur ta’ gwerra serja. Għall-bidu ħafna ħasbu li l-Ukrajna mhiex se tlaħħaq mal-forzi tal-eks super potenza Russa iżda dan il-poplu b’reżiljenza u assistenza ta’ armi u provvisti minn pajjiżi oħra, għadha sal-ġurnata tal-lum tipprova tiddefendi l-art tagħha.

Żieda fil-prezzijiet bi tbatija għal kulħadd…

L-Ewropa, l-Istati Uniti, il-Vatikan u diversi pajjiżi oħra kkundannaw l-invażjoni Russa fl-Ukrajna u mponew kull tip ta’ sanzjonijiet possibbli. Bħala ritaljazzjoni r-Russja waqqfet il-provvista taż-żejt u dan il-pass wassal għal “splużjoni” fil-prezzijiet kollha. Dan l-impatt wassal għal instabbiltà ekonomika fuq skala globali bi tbatija fuq kulħadd b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli. 

Id-dinja forsi mhiex fi gwerra dinjija bi sparar u l-ġlied fiżiku iżda, wara dawn il-100 jum il-pajjiżi daħlu fi gwerra ekonomika internazzjonali u ladarba jintmissu l-bwiet, huwa imminenti li l-konflitti u l-ġlied jiħrax. F’dan ix-xenarju perikoluż wieħed jittama li tinstab soluzzjoni fuq mejda tad-diskussjoni u mhux jitqassmu l-armi jew jagħżlu lil min jappoġġjaw. 

Mhiex soluzzjoni għal qtil jekk “jien ma noqtolx imma nagħtik is-sikkina”. Mhiex soluzzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna li nsaħħnu l-irjus u narmawhom b’armi. Is-soluzzjoni hija negozjati u ftehim għall-paċi u dan għandu jsir malajr kemm jista’ jkun għall-ġid tal-Urkeni, ir-Russi u l-bqija tad-dinja.

Sport