Friday, April 19, 2024

“Ħadd mhu se jibqa’ jagħmel dan ix-xogħol” – Christian u Janelle

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għalfejn nagħmel dan ix-xogħol? Minn tifel kont nuri interess f’dan ix-xogħol u missieri jagħmlu b’imħabba u b’dedikazzjoni kbira. Kif spiċċajt is-sekondarja għażilt li nmidd għonqi b’kollox fir-raba’ u llum nazzarda ngħid li jien wieħed mill-ftit li baqa’ jagħmlu dan ix-xogħol full-time. Riċerkatur m’iniex u statistiċi m’għandix f’idejja imma Malta żgħira u n-nies jitkellmu. Jaf sejjer żball imma ma ngħidx li hawn aktar minn 50 wieħed li jkun full-timers ta’ vera.

Il-part-timers mod ieħor. Għad hawn numru ta’ pensjonanti jew żgħażagħ li minkejja li dan ix-xogħol jagħtihom sodisfazzjon, minħabba raġuni jew oħra ma jarawhiex vijabbli li jibqgħu fir-raba’ għal sigħat twal jew biex ngħidu hekk jaqilgħu l-għajxien minnu.

It-temp jilgħab parti importanti mix-xogħol tagħna. Illum inzertajt qiegħed naqta’ l-kaboċċi. Dan jieħu madwar tliet xhur. Nieħdu ħsiebu matul dan il-perjodu kollu imma maltempata fl-aħħar tista’ tirrovinalek kollox. Infatti din in-naħa salvajnih imma għadna xi għelieqi aktar ‘il fuq kellna ħafna ħsara meta xi ġimgħat ilu għamel dak il-maltemp qawwi bis-silġ.

Jiena għandi sapport minn marti f’dan ix-xogħol u jiddispjaċina meta minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija, sitwazzjoni li sippost għallmitna napprezzaw dak li hu tagħna, mkabbar f’artna għax f’jiem ta’ lockdown kulħadd beda jħokk rasu x’jiġri f’każ li l-konsenji minn barra ma jibqgħux deħlin, imma fil-verità l-bidwi qatt ma kien stmat.

Dan ix-xogħol jekk jibqa’ sejjer hekk mhu se jibqa’ ħadd għax għandek ħafna fatturi kontrik; l-ispejjeż dejjem jiżdiedu, tbatija, elementi, ħsara, l-art agrikola li dejjem qiegħda tonqos u naħseb nistgħu nibqgħu sejrin. 

L-appell tiegħi huwa wieħed sempliċi biex il-poplu jagħraf jiddistingwi bejn dak li huwa lokali frott il-bżulija u l-għaraq tagħna u dak li jiġi minn barra. Illum sfortunatament il-poplu m’għadux joqgħod jagħti kas wisq id-differenza u aktar jara kemm se jonfoq u kemm se jinqegħda minn kollox taħt saqaf wieħed”

Christian u Janelle (ta’ Għajn Qajjet) jaħdmu r-raba’ full-time

Sport