Impjant fejn iqattgħu l-ġebel fil-viċinanzi jikkawża inkovenjent u ħsara lis-saħħa
Impjegati tal-Malta Air Traffic Services (MATS) qegħdin jilmentaw minħabba periklu kontinwu għal saħħithom ikkawżat minn impjant fl-inħawi. Dan l-impjant, li jintuża biex iqattgħu l-ġebel, qiegħed iwassal għal trabijiet esaġerati u partiċelli oħra li qegħdin jgħattu l-uċuħ tal-għamara kollha tal-uffiċini kemm tal-kwarrtieri ġenerali tal-MATS, it-torri tal-kontroll, il-karozzi u kull m’hemm fil-madwar.
Mingħajr dubju din is-sitwazzjoni tista’ tkun ta’ detriment għal saħħet l-impjegati u dan b’mod speċjali għal dawk li jbatu minn allerġiji u kundizzjonijiet mediċi fosthom l-asthma.
Il-ħmieġ fl-arja li qiegħed jiġi kkawżat minn dan l-impjant ilu għaddej għal żmien twil u aktar dewmien milli tinstab soluzzjoni tista’ tikkawża problemi ta’ saħħa fuq dawk milquta. Azzjoni mill-ħaddiema hija mitluba kemm mill-kumpanija, kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti.
Waħda mis-soluzzjonijiet hija li sakemm l-ambjent tal-madwar u l-arja jkunu f’livell aċċettabbli, l-impjegati jaħdmu mid-dar.
It-Taqsima tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-General Workers’ Union (GWU), li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema, min-naħa tagħha kitbet lill-MATS fejn talbet soluzzjoni immedjata għal din is-sitwazzjoni intollerabbli.
L-istess taqsima rriservat id-dritt li tikkonsidra mezzi alternattivi biex tissalvagwardja saħħet il-membri tagħha.