Ried jiġi jaħdem Malta. Kien jgħix it-Turkmenistan. Ħalla familtu warajh u ħallas eluf ta’ Ewro. Għamel żmien jgħix Dubaj, sakemm inħarġet il-visa. Ħajtu litteralment waqfet għal ammont ta’ żmien. Wara dań il-qtigħ il-qalb kollu, il-ħaddiem kif ġie Malta, ġie infurmat mill-awtoritajiet li kien f’Malta illegalment. Dan mhux minħabba xi nuqqas tiegħu imma għax l-awtoritajiet naqsu milli jassiguraw li l-ħaddiem jingħata l-appuntamenti meħtieġa biex jirregolarizza l-qagħda tiegħu f’Malta f’terminu ta’ żmien li ma jeċċedix il-validità tal-visa li tkun inħarġet mill-istess appellata. Prattikament li ġara l-visa tiegħu kienet qiegħda tiġi revokata għax sakemm intemm il-proċess tar-regolarizzazzjoni tiegħu f’Malta – liema proċess isir mill-awtoritajiet, laħqu għaddew il-180 jum mill-ħruġ tal-‘approval in principle letter’.
Il-każ li spiċċa quddiem il-Qorti, wassal biex il-Qorti tal-Appell iddikjarat li ma tistax taċċetta sottomissjonijiet bħalma għamlet Identità Malta, li kellu jkun il-ħaddiem li jassigura li l-proċeduri relattivi għat-teħid tad-data biometrika jsiru mingħajr dewmien qabel ma tiskadi l-approval in principle letter u l-visa tal-appellant tkun baqgħet valida. Sottomissjoni bħal din taqa’ fl-assurd, f’ċirkostanzi fejn hija biss l-aġenzija appellata li tirregola l-proċess kollu, u li setgħet, li kieku aġixxiet b’mod raġonevoli u kif tiddetta l-amministrazzjoni tajba, tagħti appuntament lill-ħaddiem sabiex dan jersaq għat-teħid tad-data biometrika fi żmien raġonevoli, sabiex jiġi assigurat li dan ma jispiċċax f’Malta b’mod irregolari.”
L-istorja ta’ dan il-ħaddiem mit-Turkmenistan, damet tkaxkar diversi xhur. Hu kien ġie Malta wara li nħarġitlu dik magħrufa bħala ‘approval in principle letter’ minn Identità Malta u sussegwentement inħarġitlu visa biex ikun jista’ jivvjaġġa lejn Malta mill-Emirati Għarab Magħquda, fejn kellu joqgħod għal xi żmien jistenna l-ħruġ ta’ visa. Dan għax mit-Turkmenistan ma setax jagħmel l-arranġamenti sabiex ikun jista’ jidħol f’Malta. Biss kif wasal Malta, huwa ġie infurmat li l-visa tiegħu kienet qiegħda tiġi revokata għax sakemm intemm il-proċess tar-regolarizzazzjoni tiegħu f’Malta, laħqu għaddew il-180 jum mill-ħruġ tal-‘approval in principle letter’. Hu kien ġie Malta għal skop ta’ xogħol. Qal li l-proċess biex huwa wasal Malta, kien jinvolvi l-applikazzjoni u l-istennija għall-‘approval in principle letter’ li nħarġet mill-aġenzija u wara kellu jivvjaġġa lejn Dubai mit-Turkmenistan, fejn kellu jistenna l-ħruġ tal-visa. Kellu jqatta’ xi żmien f’Dubai jistenna l-ħruġ tal-visa, u wara li nħarġitlu huwa seta’ jivvjaġġa lejn Malta. Qal li waqt li kien qiegħed jistenna appuntament biex jitteħdulu l-biometrics, huwa ttieħed f’kamra separata mill-kumplament ta’ sħabu, fejn ingħata deċiżjoni bir-revoka tal-visa tiegħu, li tgħid li l-visa tiegħu kienet qed tiġi revokata għaliex l-istess revoka ntalbet mid-detentur tal-visa nnifsu.
Jgħid li għalih din id-deċiżjoni ma kinitx tagħmel sens
Ixxukkjat b’deċiżjoni simili, l-ħaddiem jgħid li qatt ma kien jagħmel sens għalih li jgħaddi minn dan il-proċess kollu ta’ applikazzjoni u stennija, ta’ ivvjaġġar lejn pajjiż terz fejn kellu jqatta’ sittin jum jistenna l-ħruġ tal-visa li permezz tagħha seta’ jivvjaġġa lejn Malta, il-kisba tal-visa, l-attendenza għall-appuntament għat-teħid tad-data biometrika, biex sussegwentement ikun huwa stess li jitlob ir-revoka tal-visa li kienet inħarġitlu. Kien fetaħ proċeduri quddiem il-Bord iżda dan ma tahx raġun.
Il-Qorti kellha kliem iebes għal dan u qalet li “inħolqot ukoll diffikultà għax Identità Malta kienet oriġinarjament iddikjarat li l-visa tal-ħaddiem kienet qiegħda tiġi revokata fuq talba tiegħu stess, xi ħaġa din li tisfida kull loġika, għax l-ebda persuna m’hija ser tħallas eluf ta’ Ewro biex taqsam min-naħa għal oħra tad-dinja, tqatta’ żmien tgħix f’pajjiż terz sakemm tinħarġilha l-visa li permezz tagħha setgħet tivvjaġġa lejn Malta, tasal f’Malta fejn kellha xogħol offrut, tibda l-proċess biex tirregolarizza l-qagħda tagħha f’Malta, u sussegwentement titlob li l-imsemmija visa tiġi revokata.”
Il-Qorti qalet li ma tistax ma tirrimarkax dwar il-mod arbitrarju li bih qegħdin jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtu tant ħażin persuni bħal dan il-ħaddiem f’mument mill-aktar vulnerabbli ta’ ħajjithom. Il-ħaddiem ried jistħarreġ aktar kif seta’ jkun li minn għadd ta’ persuni li lkoll kienu fl-istess sitwazzjoni, kien biss hu li twaqqaf mill-uffiċjali tal-aġenzija għax sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ irregolarità f’Malta. Dan seta’ jsir biss billi jitlob li jixhdu uffiċjali tal-aġenzija quddiem il-Bord, iżda l-Bord ċaħad it-talba għal smigħ bħal dan, bir-riżultat li l-ħaddiem għadu sallum ma jafx x’kienu ċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet veri li wasslu biex il-visa tiegħu ġiet revokata.
Quddiem din is-sitwazzjoni, din il-Qorti ma tistax tibqa’ siekta, u minkejja li m’għandhiex il-kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-individwu, fl-istess waqt trid tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati dwar il-fatt li ladarba l-proċess dwar il-ħruġ tal-permessi kollha meħtieġa mill-ħaddiem sabiex il-qagħda tiegħu f’Malta tiġi regolarizzata, huwa regolat minn Identità Malta, din għandha tassigura li l-jeddijiet kollha tal-ħaddiem jiġu mħarsa f’kull waqt, inkluż billi tagħti raġunijiet għat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.
Assolutament mhux aċċettabbli għal din il-Qorti, li ħaddiem jersaq quddiem Identità Malta, u din isostni li fil-mument li l-appellant resaq biex tittieħed id-data biometrika tiegħu, l-‘approval in principle letter’ kienet skadietlu. Identità Malta taf sew x’jirrikjedi l-proċess biex persuna mit-Turkmenistan tinħarġilha visa biex tivvjaġġa lejn Malta għal skopijiet ta’ xogħol, u f’każ li kien hemm l-iċken dubju dwar jekk il-ħaddiema setax jingħata appuntament fil-ħin sabiex sadattant l-‘approval in principle letter’ ma tilħaqx tiskadi, kellha tkun l-aġenzija bħala r-regolatur tal-proċess kollu, li tassigura li l-ħaddiem jingħata appuntament qabel ma jkun skada t-terminu ta’ sitt xhur minn meta nħarġitlu l-imsemmija ‘approval in principle letter’.
Din il-Qorti ma tistax taċċetta sottomissjonijiet bħalma għamlet Identità Malta, li kellu jkun il-ħaddiem li jassigura li l-proċeduri relattivi għat-teħid tad-data biometrika jsiru mingħajr dewmien qabel ma tiskadi l-approval in principle letter u l-visa tal-appellant tkun baqgħet valida. Sottomissjoni bħal din taqa’ fl-assurd, f’ċirkostanzi fejn hija biss l-aġenzija li tirregola l-proċess kollu, u li setgħet, li kieku aġixxiet b’mod raġonevoli u kif tiddetta l-amministrazzjoni tajba, tagħti appuntament lill-ħaddiem sabiex dan jersaq għat-teħid tad-data biometrika fi żmien raġonevoli, sabiex jiġi assigurat li dan ma jispiċċax f’Malta b’mod irregolari.
Il-Qorti argumentat li Identità Malta bl-argumenti tagħha qiegħda tipperpetwa l-inġustizzja li seħħet fil-konfront tal-ħaddiem, meta dan ingħata appuntament biex tittieħidlu d-data biometrika wara l-iskadenza tal-‘approval in principle letter’ li kienet inħarġitlu. Identità Malta taf li ma kienx kompitu tal-ħaddiem li jassigura li l-visa li nħarġitlu tibqa’ valida, għax l-appuntamenti meħtieġa bħal ma huwa dak biex tittieħidlu d-data biometrika, il-ħaddiem m’għandu l-ebda kontroll fuqhom, iżda għandha kontroll fuqhom biss l-aġenzija, ir-regolatur tas-settur.
Il-Qorti tifhem li l-ebda permess u l-ebda visa ma tista’ tinħareġ għal żmien indefinit, iżda lanqas m’huwa raġonevoli u aċċettabbli li wara li persuna tkun ġiet Malta minn ħafna ’il bogħod, ħalliet il-familja tagħha warajha, ħallset eluf ta’ Euro, waqqfet ħajjitha għal żmien indefinit, hekk kif jirriżulta li din is-saga għal dan il-ħaddiem ilha li bdiet kważi sentejn, din tispiċċa tiġi nfurmata li qiegħda f’Malta illegalment għax l-awtoritajiet naqsu milli jassiguraw li din tingħata l-appuntamenti meħtieġa biex tirregolarizza l-qagħda tagħha f’Malta f’terminu ta’ żmien li ma jeċċedix il-validità tal-visa li tkun inħarġet mill-istess appellata. Fiż-żmien fejn l-informazzjoni hija ċentralizzata, u kollox isir b’mod kompjuterizzat, ċertament li Identità Malta m’għandu jkollha l-ebda diffikultà biex tassigura li l-ebda individwu ma jesperjenza dak li għaddej minnu l-ħaddiem. Għaldaqstant din il-Qorti tqis li kien hemm element qawwi ta’ arbitrarjetà bid-deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront tal-ħaddiem. Il-Qorti ddeċidiet li l-ħaddiem għandu jingħata l-opportunità li japplika mill-ġdid għal single work permit.
