Tuesday, December 24, 2024

“Ħalluni bi kwieti jew inkisser l-awla” – Tifel t’14-il sena mixli bi 23 akkuża

Aqra wkoll

Żewġ ġuvintur ta’ 15 u 14-il sena rispettivament inżammu arrestati wara li ġew mixlija bi 23 akkuża. Waqt li kien qed jiġi mmanettjat biex jittieħed b’arrest mill-Qorti, il-ġuvni ta’ 14-il sena nstema’ jgħid: “Ħalluni bi kwieti jew inkisser l-awla”.

Huma tressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D. b’rabta ma’ serq ta’ erba’ vetturi, pjanċi ta’ reġistrazzjoni, serq minn ġo vetturi u li kkawżaw ħsarat fuq vetturi fosthom karozza tal-Pulizija, fost akkużi oħra.

Nhar il-Ħadd waranofsinhar, waqt li żewġ uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit kienu qed jagħmlu ronda f’Ħaż-Żebbuġ, innutaw vettura tinstaq b’mod suspettuż. Ftit tal-ħin wara ġew infurmati mill-Kamra tal-Kontroll tal-Pulizija li din il-vettura tal-għamla Isuzu Gemini kienet ġiet irrapurtata misruqa aktar kmieni fl-istess ġurnata minn Birkirkara.

Kif induna bil-preżenza tal-Pulizija, ix-xufier, il-ġuvni ta’ 14-il sena beda jsuq f’diversi toroq sabiex jipprova jevitahom. F’ħin minnhom l-Isuzu waqfet u ż-żewġ ġuvintur ipprovaw jaħarbu lill-uffiċjali bil-pass iżda kienu arrestati ftit ‘il bogħod.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara rriżulta ukoll li bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru huma serqu vettura tal-għamla Nissan Micra minn San Pawl il-Baħar, BMW 3 series minn Marsaskala, serq ta’ pjanċi ta’ żewġ vetturi minn tal-Pieta’ u serq ta’ diversi oġġetti minn żewġ vetturi f’Ħaż-Żebbuġ u Marsaskala.

Il-ġuvni ta’ 14-il sena kien akkużat waħdu li fit-12 t’Awwissu 2021 ikkommetta serq ta’ Suzuki Samurai minn Naxxar, serq ta’ mobile bi vjolenza minn Birkirkara fil-bidu tax-xahar t’Ottubru u li kkommetta reati waqt perjodu operattiv ta’ Probation.

Il-ġuvintur wieġbu mhux ħatja tal-akkużi fil-konfront tagħhom u nżammu taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti.

Ekonomija

Sport