Tuesday, May 6, 2025

Ħames snin ħabs fuq serq minn tlitt iħwienet

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena mill-Gżira kien ikkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq tliet serqiet f’temp ta’ tlitt ijiem. 

Matthew Camilleri kien mixli li fit-12 ta’ Novembru tal-2020 seraq flus kontanti minn The Convenience Shop f’Santa Venera u ftit tal-ħin wara seraq minn confectionery f’Birkirkara. Huwa kien mixli wkoll li jumejn wara seraq minn The Convenience Shop f’Ħal Balzan. 

Akkużi oħra kontrih jgħidu li fixkel Kuntistabbli u Surġent tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom kif ukoll li kien riċediv. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif it-tliet serqiet seħħew kważi bl-istess mod. L-ewwel kienet tidħol mara u titlob xi ħaġa lill-impjegati tal-ħanut biex dawn jillargaw ’il bogħod mill-bank u fil-frattemp raġel liebes beritta u hoodie kien jisraq mill-cash register.

Irriżulta li l-beritta kellha disinn parikolari fuqha li l-pulizija rrikonoxxew minn investigazzjoni oħra li fiha Camilleri kien identifikat minn filmati tas-sigurtà ta’ bank, fejn deher liebes l-istess beritta u ntalab ineħħiha biex jikxef wiċċu. 

Il-prosekuzzjoni kienet ressqet evidenza sostanzjali, inkluż il-location tad-data tal-mobile tas-suspettat, iżda l-evidenza ewlenija kienet mix-xhieda tal-kompliċi tagħha li kkonfermat l-involviment tagħha u ta’ Camilleri f’dan is-serq.

Filwaqt li sabitu ħati, il-Qorti qieset l-għemil tiegħu fil-konfront tal-pulizija u l-fatt li diġà kien ingħata diversi opportunitajiet sabiex jibdel ħajtu. Żiedet ukoll li l-imputat ma wera l-ebda rimors għar-reati li wettaq.

Il-Qorti li l-imputat huwa ta’ periklu u riskju kbir għas-soċjetà, lest jiddepriviha minn dak li tkun b’xogħolha u ħila stinkat għalih. “Camilleri hu bniedem xprunat minn bruda totali għall-ħtiġijiet u bżonnijiet ta’ ħaddieħor billi jieħu dak li ma kienx kapaċi jaqla’ hu sforz il-ħajja t’għażż u kriminali li qabad.”

“Postu mhux fil-komunità u ċertament lanqas ma familtu li, mix-xiehda mismugħa rriżulta li minflok ikorreġewh u wissewh biex jirrispetta l-awtorità li l-Pulizija tirrapreżenta, ħaduha magħhom, jiddieħku biha meta minflok kellhom jagħtu ħarsa lejhom infushom u jaraw r-riżultat tat-trobbija li tawh. L-istess familtu qatgħet qalbha minnu,” qalet il-Qorti. “Is-soċjetà m’għandhiex post għall-imputat sakemm jasal dak iż-żmien li juri li lest jirrispetta l-valuri tagħha.”

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti sabitu ħati u kkundannatu piena ta’ ħames snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €5,000 li jekk ma titħallasx tiġi kkonvertita f’terminu ta’ priġunerija. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport