Saturday, May 4, 2024

Ħames snin ħabs għal Marokkin fuq serq minn djar

Aqra wkoll

“L-aġir tiegħu wassal biex il-viċinanzi residenzjali ma jkunux siguri” – il-Qorti

“Ħadd ma għandu jibża’ jgħix ġo daru jew jibża’ mill-akwati residenzjali fejn ikun poġġa l-għeruq tiegħu u ta’ familtu. Kull persuna ta’ rieda tajba tkun qiegħda ġustament tistenna li tgħix fit-trankwillità u mingħajr ebda biża’ li d-dar tagħha se tiġi misruqa mill-oġġetti personali tas-sid li jkun ħadem għalihom.”

Dan saħqitu l-Maġistrat Nadine Lia f’sentenza li tat u li fiha kkundannat Marokkin ħames snin ħabs b’rabta ma’ serq minn bosta djar fuq medda ta’ ħames xhur f’Tas-Sliema, San Ġiljan u Pembroke. 

Fil-Qorti ħareġ li Khaled Rami ta’ 27 sena kien wettaq dawn ir-reati wara li ħarab minn ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi. Huwa kien mixli b’xejn inqas minn 25 akkuża, ewlenin fosthom dawk ta’ serq li saru bejn Awwissu u Diċembru 2021.

Rami kien mixli b’serq ta’ flus kontanti, arloġġi, apparat elettroniku u ġojjellerija minn diversi residenzi, li offenda l-pudur f’post pubbliku u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa fost oħrajn. 

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi kollha hekk kif miġjuba kontrih u wera rimors għal dak li għamel hekk kif fl-istqarrija tiegħu qal: “Jiddispjaċini ħafna li għamilt quddiem Alla u mhux suppost nagħmel hekk.” 

Il-Maġistrat Lia nnotat kif l-aġir ta’ Rami kien irrenda l-viċinanzi residenzjali li jgħixu fihom familji bħala mhux siguri u perikolużi.

Innotat ukoll kif Rami ilu jgħix hawn Malta għal perjodu ta’ tliet snin u li dan stqarr li waqt ċertu serqiet kien jikkonsma d-droga. Fl-istqarrija tiegħu, Rami spjega wkoll li kien ibigħ l-oġġetti misruqa lil persuna Niġerjan. 

Madankollu, huwa qatt ma ta identifikazzjoni ċara u li tista’ twassal għal dan il-persuna u sal-ġurnata tal-lum din il-persuna għadha mhix magħrufa jew investigata għall-involviment tagħha f’dawn ir-reati. 

Il-Qorti qalet li trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ Rami iżda trid issib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien tal-interess tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà inġenerali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax isir kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtieġ lill-pubbliku u dan fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ kif seħħ il-każ.

“Il-Qorti tqis li l-kriminalità u s-serqiet li wettaq Rami f’żoni residenzjali ma kienx ġustifikat u huwa aġir deplorabbli iktar u iktar meta jiġi meqjus li kien qed jidħol fir-residenzi privati tan-nies matul il-lejl waqt li jkunu reqdin u l-iktar vulnerabbli.

“Huwa ċar li l-imputat (Rami) kien qed jidħol, jisraq u jiffastidja nies għar-raġunijiet kapriċċużi mingħajr ebda tħassib fuq kemm tkun qed tiddistabilizza l-ħajja tal-istess nies li għandhom kull dritt li jgħixu ġewwa darhom fis-serenità,” enfasizzat il-Qorti. 

Jirriżulta wkoll li dan l-aġir waqaf grazzi għas-suċċess tal-pulizija li qabduh u b’hekk dawn il-lokalitajiet li sofrew xhur ta’ dan l-aġir setgħu jerġgħu jirritornaw għan-normalità.

Kien għalhekk li sabet lil Khaled Rami ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu u kkundannati piena ta’ ħames snin priġunerija. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Leeroy Balzan Engerer u Brian Xuereb.

Sport