Wednesday, April 24, 2024

“Min jaf x’kien jiġri minnu” … Tħalla jixxengel se jaqa’ u ma jaqax f’Buġibba

Aqra wkoll

Triq f’Buġibba li proprju nhar il-Ġimgħa filgħaxija ftit qabel is-7.00 p.m bħas-soltu fiha kien hemm diversi persuni. Kollox kien jidher normali, sakemm f’tarf it-triq feġġet persuna. Ġibdet l-attenzjoni mill-ewwel. 

Miexja bil-mod. Tixxenġel. Kultant tistrieħ ma’ ħajt u terġa’ tipprova timxi. Saħħa donnu ma kienx hemm. Il-persuna dehret ukoll mhux f’sensiha. Waqfa ta’ ftit sekond ma’ ħajt u terġa’ tipprova tagħmel pass ‘il quddiem. Terġa’ tibda miexja. Se taqa’ u ma taqax.

Nies iħarsu għal din id-dehra. Ma jonqsux ukoll xi kummenti. Min qal xurban. Min qal li drogat. Oħrajn qalu li ma jafuhx u qatt ma rawh fl-inħawi. Malajr kien hemm min ittimbrah… “Dak żgur barrani”.

Baqgħu jħarsu u ħadd ma mar jagħtih l-għajnuna. Sadanittant ir-raġel reġa’ waqaf ma’ ħajt. Straħ miegħu rasu baxxuta lejn l-art.

Kien f’dan il-mument li wasal ħdejn din il-persuna il-fotogafu tagħna, Roger Azzopardi, li kien ġej bil-mixi minn tarf din it-triq li hi twila mhux ħażin. Kien hu li beda jkellmu. Dan ir-raġel kellmu bil-Malti. 

Donnu ried ikompli jipprova jimxi, allavolja kien jidher kompletament bla saħħa. Il-fotografu tagħna ikkonvinċieh jibqa’ fil-post sakemm tasal l-għajnuna medika. Il-fotografu ċempel għal ambulanza u sakemm dawn waslu baqa’ miegħu jkellmu għax mitluf kif kien beda jixxengel u xtaq jipprova jimxi.

Ħadd minn dawk li kien hemm fil-qrib ma ndenja ruħu, li jara dan ir-raġel għandux bżonn xi ħaġa. 

Fi kliem il-fotografu Roger Azzopardi, “hi ta’ dieqa li  tara lil xi ħadd f’dak l-istat u tibqa’ għaddej u tinjorah.  Għamilt kważi siegħa miegħu biex jibqa’ fejn hu sakemm tasal  l-ambulanza. Li jiġu l-mediċi u jgħidulek li dan ir-raġel min jaf x’kien isir minnu kieku ħadd ma kkuntattja l-112 tagħtik sodisfazzjon kbir u paċi f’qalbek li diffiċli tesprimihom.”

Sport